Il-Gvern irid li l-Maltin jitilqu kollha mil-Libja

Il-Gvern Malti llejla ħabbar li jrid li l-Maltin kollha jitilqu mil-Libja malajr kemm jista’ jkun.
Fil-Libja bħalissa hemm madwar 100 Malti.
Għada wara nofsinhar mill-ajruport ta’ Tripli u ta’ Bengażi se jitilqu żewġ titjiriet b’xejn tal-Medavia lejn Malta, li se jkunu mħallsa mill-Gvern.
Il-Maltin mistennija jaslu għada filgħaxija.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, is-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mario Cutajar, qal li teknikament din mhix evakwazzjoni u li ebda pajjiż Ewropew ma ddikkjara evakwazzjoni.
Ippreċiża li l-ambaxxata Maltija mhix se tingħalaq iżda se jieqaf is-servizz Konsolari li jfisser li fost l-oħrajn mhu se tinħareġ ebda viża.
Sa issa għadu qed isir kuntatt mal-Maltin li għadhom fi Tripli, f’Bengażi biex għada jitilqu mil-Libja.
Qed isiru wkoll arranġamenti biex vapuri li jkunu għaddejjin minn Bengażi u Tripli jkunu jistgħu jgħabbu lill-Maltin.
Is-Segretarju Permanenti sostna li lbieraħ ittieħedet id-deċiżjoni li l-Maltin għandhom jiġu kollha lura.
Kull min jixtieq jikkuntattja l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jew lil Crisis Centre jista' jċempel fuq: 22042200 jew 80072203 jew imejl: crisis.mfa@gov.mt