“Il-Gvern irid li l-art tal-privat tibqa’ tal-privat” – Chris Agius

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Chris Agius qal li l-Awtorità tal-Ippjanar għaddejja bi proċess ta’ konsultazzjoni fejn appella lil kull min għandu propjetà f’wieħed minn dawn l-24 sit elenkati, imur għand l-Awtorità bil-kuntratti relattivi.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Chris Agius saħaq dwar l-importanza li l-Gvern irid jassigura li l-art tal-privat, tibqa’ tal-privat.
Fakkar kif iktar kmieni, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet b’lista ta’ 24 sit li qed jiġu kkunsidrati biex jiġu dikjarati bħala siti ta’ dominju pubbliku. Fost dawn is-siti, hemm Fomm ir-Riħ, Manoel Island, iċ-Cittadella u Xrobb l-Għaġin.
Chris Agius spjega li f’dawn il-każijiet, il-pubbliku jista’ jkollu d-dritt għat-tgawdija ta’ dawn is-siti. Min-naħa l-oħra, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti qed teżamina jekk din il-liġi hux se tolqot ħażin lil dawk kollha li għandhom id-delizzju tal-kaċċa.