Il-Gvern irid l-ekonomija u l-ambjent fuq l-istess livell – Aaron Farrugia

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li l-Gvern irid l-ekonomija u l-ambjent fuq l-istess livell waqt li nieda l-viżjoni tal-Istrateġija Nazzjonali Ambjentali (NSE).

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ambjent qal li tnieda wkoll il-proċess tar-reviżjoni tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Ippjanar (SPED).

Skont Farrugia bil-viżjoni tal-gvern l-ekonomija, il-benessere soċjali, u l-ambjent se jkunu qed jitpoġġew fuq l-istess livell f’kull deċiżjoni li tittieħed.

“L-istrateġija nazzjonali ambjentali eżistenti stabbilixxiet il-pedamenti sabiex tintlaħaq sostenibbiltà ambjentali”, qal il-Ministru. Spjega li issa wasal iż-żmien li jiżdied l-impenn tan-nies u biex ikunu kuraġġużi sabiex immexxu strateġiji komprensivi għall-ambjent b’termini li jwasslu sas-sena 2050.

Fakkar li Malta adottat l-ewwel SPED fl-2015, pjan li jindirizza t-temi spazjali u tal-ippjanar tal-gżejjer Maltin b’mod ħolistiku u li minnu joħorġu l-policies kollha li jirregolaw id-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Intqal li l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent se tkun qed toffri linji gwida għat-30 sena li ġejjin u li kull politika oħra fil-pajjiż trid tħares lejn il-kwalità tal-ħajja tal-poplu bħala prijorità.