Il-Gvern irid jindirizza tibdil fil-klima b’serjetà – PN; 35 miżura konkreta – Gvern

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern irid jindirizza t-tibdil fil-klima b’serjetà. Mill-banda l-oħra, il-Gvern fakkar li fil-Baġit tal-2020 kien hemm 35 miżura konkreta dwar it-tibdil fil-klima.

Fi stqarrija, il-PN sostna li għal darboħra Joseph Muscat falla fis-sostenibbiltà għax kellu l-opportunità li jiddikjara stat ta’ emerġenza tal-klima imma ma għamilx dan. Insista li dalgħodu f’Marsaxlokk, Muscat beża’ milli jispega lin-nies għaliex mhux lest li jieħu miżuri konkreti li jindirizzaw it-tibdil fil-klima b’mod serju.

Irrimarka li huwa qerq li l-Gvern jgħid li l-Att dwar il-Klima tal-2015 hija xi forma ta’ dikjarazzjoni ta’ emerġenza. Qal li dan hekk kif din il-liġi bl-ebda mod ma tiddikjara emerġenza dwar il-klima fil-pajjiż.

Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Ambjent sostna li l-Gvern ilu li għaraf is-serjetà tal-isfida globali. Qal li fl-2015 introduċa Att 543 fil-liġijiet ta’ Malta. Qal li dan l-att jidentifika l-obbligi u d-dmirijiet tal-istat dwar it-tibdil fil-klima, inkluż il-ħolqien ta’ kumitat mill-esperti. Dan huwa mmexxi mill-Ambaxxatur Prof. Simone Borg.

Il-Gvern fakkar dwar il-35 miżura fil-Baġit 2020 li jindirizzaw l-impatt dwar it-tibdil fil-klima.