Il-Gvern irid jidħol bi sħab mal-NGO’s li jaħdmu fis-settur soċjali

Matul iż-żjara fid-Dar Qalb ta’ Ġesu, Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali u l-Familja Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-Gvern huwa interessat li jidħol bi sħab mas-settur soċjali u NGO’s li jipprovdu servizzi differenti fil-qasam soċjali.

Il-Ministru qalet li l-Gvern qiegħed jaħdem fuq pjan ħolistiku ta’ għajnuna lil dawn it-tip ta’ djar biex ma jibqgħux jiddependu fuq id-donazzjonijiet biss.

Id-Dar Qalb ta’ Ġesu f’Santa Venera tilqa’ fiha madwar disa’ familji li jingħataw appartamenti żgħar ta’ tnejn jew tliet sodod.

Fid-Dar jgħixu nisa li jkunu għaddew minn vjolenza domestika flimkien mat-tfal tagħhom.

Matul il-perjodu ta’ 18-il xahar li jagħmlu residenti fid-Dar jingħataw l-għajnuna permezz ta’ programm flimkien mas-social workers.

Il-Ministru Coleiro Preca żaret ukoll iċ-Child Care Centre li għadu kif tlesta f’din id-Dar.

Id-Direttriċi tad-Dar, Judith Debono qalet li ċ-ċentru jinsab lest iżda m’hemmx biżżejjed fondi biex dan ikun jista’ jopera.

Dan iċ-ċentru għandu l-għan li jgħin lill-ommijiet li spiċċaw vittmi biex isibu xogħol filwaqt li jħallu lil uliedhom fiċ-ċentru.

Il-Ministru żvelat li fil-jiem li ġejjin se jibdew it-taħdidiet bejn il-Gvern u l-Knisja biex iċ-Child Care Centre f’din id-Dar jiġi żviluppat.  

 

Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill