Il-Gvern irid jibni sptar ġdid fi ftit ġimgħat

Read in English.

Malta se tkun qed tibni sptar ġdid li jkun jista’ jesa’ aktar minn 90 pazjenti u ħaddiema fi ftit ġimgħat.

Il-Ministeru għas-Saħħa qed ifittex offerti għax-xiri u installazzjoni ta’ “modular extendable Sandwich Panel Negative-Pressure Field Hospital”. Il-Gvern irid li l-isptar ikun mgħammar bl-affarijiet kollha li hemm bżonn.

Il-Gvern qed jinsisti li min japplika biex jibni l-isptar irid ikollu tliet snin ta’ esperjenza fil-proviżjoni ta’ sptarijiet pre-fabricated. Fl-2016, il-Gvern kien ta tliet sptarijiet pubbliċi lill-kumpanija Vitals li ma kellha l-ebda esperjenza fil-qasam mediku.

Is-sottomissjonijiet se jintlaqgħu sas-26 ta’ Marzu 2020. Min jirbaħ il-kuntratt se jeħel multa ta’ €50,000 għal kull jum li jittardja biex jibda u jispiċċa l-proġett.

Malli l-ordni tkun ikkonfermata, l-isptar irid ikun lesti fi tmien ġimgħat.

X’se jkun fih l-isptar?

  • Kamra tal-emerġenza
  • 6 ITUs b’60 sodda
  • Kamra għall-X-Rays
  • Laboratorju
  • Kamra mortwarja
  • Kamra tal-ikel

L-isptar se jkollu madwar 57 ventilator.

Il-kuntratt se jingħata lil min jissottometti l-iktar proposta rħisa li tkun konformi mal-kriterji tal-Gvern.

F’Jannar u fi Frar iċ-Ċina bniet żewġ sptarijiet kbar f’madwar 10 ijiem. Dawn ħolqu post għal 2,300 sodda għall-pazjenti.

Għalfejn tintuża n-negative pressure?

Kamra li jkollha negative pressure tuża’ pressjoni tal-arja aktar baxxa biex tippermetti l-arja minn bara biex tidħol fil-kamra. Dan ifisser li partiċelli li jistgħu jkunu perikolużi jibqgħu ġol-kamra. Kmamar b’negative pressure jiżolaw pazjenti li jkollhom kundizzjonijiet li jittieħdu u b’hekk jipproteġu lil min ikun barra mill-kamra milli jkun espost għall-periklu.

Tista’ taqra l-ispeċifikazzjonijiet minn hawn:

L-awtoritajiet tas-saħħa qed jimmiraw biex ikun hemm madwar 680 sodda għall-pazjenti tal-coronavirus madwar Malta u Għawdex. Għal dan il-għan, qed isir tibdil fl-isptar Mater Dei biex ikunu jistgħu jidħlu aktar sodod.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn