“Il-Gvern irid jaġixxi u ma għandux jibża mill-kritika interna” – Godfrey Farrugia

Waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, il-Whip Godfrey Farrugia qal li l-poplu qed jinnota li l-arroganza u ċ-ċrieki li minħabba fihom il-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni, deħlin fostna.  
Farrugia qal li min ma jagħmel xejn qatt ma jiżbajla, madankollu l-Gvern irid jaġixxi u ma għandux jibża mill-kritika interna.
Il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, Alex Saliba qal li minkejja dak li għamel il-Partit Nazzjonalista quddiem il-Qorti, il-Partit Laburista mhux se jaqgħa għall-provokazzjoni.
Tenna li l-Partit Laburista għandu jkun kburi li huwa l-partit tas-sewwa.
Fl-intervent tiegħu Ian Castaldi Paris qal l-Partit Nazzjonalista għaddej minn kriżi kbira u qed jinfexx f’arroganza.
Filwaqt li rrefera għal każ ta’ Toni Abela, Castaldi paris qal li Simon Busuttil huwa Kap li jitfa’ l-ġebla u jaħbi idejh għax jagħmel ħsara anke barra minn Malta.
Tenna li l-PN huwa “partit midjun u għadu mdawwar bl-istess nies”.
Min-naħa tagħha l-Kap tal-Komunikazzjoni għad-Dipartiment tal-Artijeit, Rosianne Cutajar wissiet kontra l-politika negattiva u tkellmet dwar il-provokazzjoni. 
Qalet li filwaqt li huwa naturali li twieġeb għall-provokazzjoni, il-partitarji Laburisti m’għandhomx jipparteċipaw f’politika negattiva.