Il-Gvern għandu jħallas id-differenza tal-Living Wage – GRTU

Read in English.

Jekk il-Gvern irid idaħħal il-Living Wage f’Malta jrid ikun hu li jħallas id-differenza fil-paga. Dan qalu Marcel Mizzi, il-Viċi President tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni fi ħdan il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji.

Hu kien qed jitkellem f’intervista waqt il-programm The Newsbook Hour ma’ Fr Joe Borg fuq l-istazzjon tar-radju 103. Miegħu kien hemm mistieden ukoll il-preżentatur Peppi Azzopardi.

Mizzi sostna li llum il-ġurnata, xufier tad-delivery għandu paga ta’ madwar €17,000 f’sena. Qal li jekk dan għandu familja mela għandu jgħix tali mod kif dawk is-€17,000 iservu biex jgħajjxu l-familja dik is-sena. Sostna li internazzjonalment ħafna negozjanti huma kontra l-Living Wage. Il-Living Wage hija paga li wieħed irid jaqla’ biex ikun jista’ jgħix komdu f’pajjiż partikolari. Qal li jekk il-Gvern jiddeċiedi li jintroduċi din il-paga f’Malta, mela l-Gvern irid iħallas id-differenza hu. Qal li l-paga tal-ħaddiem għandha tkun proporzjonata ma’ kemm verament jaħdem.

“Negozjanti kbar u żgħar mhux isibu ħaddiema”

Mizzi sostna li l-akbar ammont ta’ lmenti li tirċievi l-GRTU hija li negozjanti żgħar u kbar mhux isibu ħaddiema. Qal li dawn joħolqu proġetti kbar, imbagħad ħadd ma japplika ħlief persuni Pakistani, Serbi u Indjani. Qal li dan għax huma ftit il-Maltin li ma għandhomx xogħol.

Spjega li bosta jispiċċaw jagħmlu perjodu ta’ żmien iħaddmu persuni bla ktieb għax ħafna persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi kienu jdumu ħafna ma joħroġilhom il-permess. Mizzi spjega li kien hawn żmien fejn wieħed kien idum jistenna sitt xhur biex joħroġ dan il-permess. Issa, permezz ta’ ħidma mill-GRTU nnifisha, dan iż-żmien ta’ stennija mistenni jinżel għal ġimgħatejn.

Sostna li l-employers Maltin lesti li jgħallmu lil dawn il-persuni. Irrakkonta esperjenza waħda meta mar jixtri mingħand tal-ħaxix li jħaddem żewġ Indjani. Qal li dawn bdew jaħdmu miegħu bla ma jafu Malti u Ingliż. Qal li bi ftit paċenzja u żmien bdew jitgħallmu.

Minkejja dan irrimarka li l-pajjiż kiber fi żmien qasir iżda l-infrstruttura mhux tlaħħaq mad-domanda. Ġab eżempju b’San Pawl il-Baħar fejn iddeskrivih bħala ‘diżastru’. Qal li f’dan ir-raħal jinqata’ d-dawl ta’ spiss u s-sistemi tad-drenaġġ ma jaħdmux sew. B’hekk ibatu ħafna negozji. Sostna li r-raġuni għal dan huwa li fejn qabel kien post fejn wieħed imur velleġġjatura, illum il-ġurnata nbidel f’Belt.