Il-Gvern iressaq protest ġudizzjarju kontra l-aġent tal-MV Salamis

Il-Gvern Malti ressaq protest ġudizzjarju fil-konfront tal-aġent tal-vapur MV Salamis.

Il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ta dettalji ta’ kif żvilluppa l-każ.

Huwa kkonferma li tkellem mal-Kummissajru Ewropew Cecilia Malmstrom, fejn sostna li Malta hija legalment korretta.

Il-Ministru Insista li l-Kaptan tal-vapur mhux qed jobdi l-liġijiet internazzjonali u dan għal fini kummerċjali.

Manuel Mallia saħaq li hu tkellem mal-Kummissarju Ewropew wara li hi ħarġet l-istqarrija fejn qalet li l-vapur irid jitħalla jidħol Malta.

Qal li Malmstrom kellha xi informazzjoni nieqsa.

Il-Ministru Mallia tenna li hu qed jistenna li l-Unjoni Ewropea tieħu l-passi meħtieġa biex tgħin lil Malta u l-Italja.

Spjega li dan huwa każ ta’ 'search and rescue' mhux każ ta’ salvataġġ ta’ immigranti irregolari.

Intqal ukoll li l-bieraħ seħħ każ simili fejn kien involut vapur Tork li eventwalment kellu jieħu l-persuni abbord fil-port tal-Libja.