Il-Gvern iressaq mozzjoni fil-Parlament għal diskussjoni dwar l-Enemalta

Il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi ppreżenta mozzjoni fil-Parlament biex il-Kamra tiddiskuti l-ftehim bejn l-Enemalta u Shanghai Electric Power.
Fi stqarrija, il-Gvern ħabbar li l-mozzjoni saret wara li l-Oppożizzjoni “rrifjutat li jsir id-dibattitu parlamentari propost mill-Gvern” dwar dan li hu deskritt bħala l-akbar investiment barrani li qatt ra il-pajjiż.
Il-Gvern qal li d-dibattitu kellu jsir fis-17 ta’ Diċembru. L-Oppożizzjoni kienet talbet lill-Gvern biex jipposponih u l-Gvern kien aċċetta. Fl-istqarrija ġie spjegat li l-ħsieb kien li d-dibattitu jsir fl-iqsar żmien possibbli.
Il-Gvern qal li kienet l-intenzjoni tiegħu li d-diskussjoni ssir fl-ewwel ġimgħa tal-Parlament wara l-waqfa tal-Milied, iżda l-Oppożizzjoni reġgħet oġġezzjonat. Għalhekk, spjega, li tressqet il-mozzjoni.