Il-Gvern iniedi konsultazzjoni pubblika fuq l-identità tal-ġeneru

Il-Gvern nieda konsultazzjoni pubblika fuq l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, hekk kif fil-Parlament se jibda l-ewwel qari ta’ dan l-Att li jinkludi wkoll l-espressjoni tal-Ġeneru u l-karatteristiċi tas-Sess.
L-Att se jkun qed jipprovdi għal-liġijiet li jirregolaw il-proċeduri għat-tibdil tal-ġeneru tas-sess tal-individwu.
Waqt it-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika, il-Ministru responsabbli mil-Libertajiet Ċivili, Helena Dalli qalet li fil-preżent, tibdil fuq is-sess ta’ persuna fid-dokumenti jista’ jsir biss jekk il-persuna konċernata tkun għamlet operazzjonijiet kirurġiċi.
Il-liġi l-ġdida se tkun qed tipprovdi li dan it-tibdil fil-ġeneru tas-sess fid-dokumenti jkun possibbli mingħajr ma jsiru dawn it-tip ta’ interventi estetiċi.
Dan billi tagħti d-dritt lill-individwu li jitlob lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku biex tinbidel l-identità tal-ġeneru.
Il-Ministru Dalli spjegat li l-liġi se tipprovdi l-privatezza kollha meħtieġa mill-persuna li tkun qed titlob li jsir dan it-tibdil.
Dan ifisser li persuna transgender se tkun tista’ tibdil id-dettalji f’dokumenti uffiċjali bħalma huma l-karta tal-identità, il-passaport u l-liċenzja tas-sewqan.
Spjegat li l-liġi se tippermetti biex il-ġenituri ma jinkludux is-sess ta’ uliedhom fid-dokumenti sakemm jagħlqu 14-il sena.
Il-Ministru Dalli qalet li taf b’persuni transgender li għandhom ħafna talent iżda qed ikollhom jgħixu fid-dell.
Qalet li dawn huma bnedmin li għandhom id-dritt li jgħixu ħajja normali bħal ħaddieħor.
Sostniet li rridu ngħallmu iktar lit-tfal minn età żgħir biex jieqaf l-ibbuljar u jkun hawn ħarsien tal-ugwaljanza.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni se ddum sat-30 ta' Novembru.