Il-Gvern Ingliż se jagħmel inkjesta dwar il-persekuzzjoni tal-insara

L-insara huma l-aktar reliġjon persegwitata fid-dinja

Il-Gvern Ingliż iddeċieda li jagħmel inkjesta indipendenti dwar il-persekuzzjoni tal-insara madwar id-dinja li se titmexxa mill-Isqof Anglikan ta’ Truro, Philip Mountstephen. F’laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Jeremy Hunt, il-Kardinal Vinc ent Nicholas wera l-apprezzament tiegħu għal din id-deċiżjoni.

Il-Gvern Ingliż kien ħabbar l-intenzjoni li jagħmel din l-inkjesta ftit qabel il-Milied. Issa nħatar minn se jmexxiha u r-riżultat tagħha mistenni qabel l-Għid.  Il-Ministru Ngliż qal li pajjiżu messu qed jagħmel aktar biex jgħin lill-insara.

Il-Gvern Ingliż jistma li madwar id-dinja hawn madwar 215-il miljun nisrani li huma persegwitati minħabba t-twemmin tagħhom. Is-sena li għaddiet biss 100,000 nisrani nqatlu minħabba l-fidi li jħaddnu.

Il-Ministru Hunt qal li se jara kif b’mod eġġettiv il-Gvern Ingliż jista’ jgħin aktar fil-ħtiġijiet kbar tal-insara persegwitati madwar id-dinja.

F’kumment li ta lill-aġenzija tal-aħbarijiet ‘Zenit’, il-Kardinal Nichols qal li r-reliġjon qed issir aktar importanti fid-dinja u qal li l-insara huma nies ta’ tama.

Il-Papa Benedittu XVI, l-insara huma l-aktar grupp persegwitat fid-dinja. Il-Vatikan  jistma li madwar 100,000 nisrani jinqatlu b’mod vjolenti minħabba l-fidi tgħhom filwaqt li l-World Evangelical Alliance tgħid li 200 miljun nisrani huma mċaħħda mid-drittijiet fundamentali tagħhom minħabba l-fidi.

Fost il-miljuni ta’ nsara li huma fil-mira, il-maġġoranza huma persegwitati f’pajjiżi dominati mill-Misilmin. L-insara, jsofru aktar minn gruppi ta’ reliġjonijiet oħra. Mill-akbar tliet reliġjonijiet fi-dinja, l-insara huma l-aktar persegwitati u fil-fatt 80% tad-diskriminazzjoni reliġjuża issir kontra l-insara li jiffurmaw terz tal-popolazzjoni tad-dinja.

Kull sena, l-organiżazzjoni Kattolika “Open Doors” tippubblika lista ta’ 50 pajjiż li huma l-aktar perikolużi għall-insara.  Fl-2018 l-aktar għaxar pajjiżi li fihom l-insara kienu persegwitati kienu il-Korea ta’ Fuq, l-Afghanistan, is-Somalia, is-Sudan, il-Pakistan, l-Eritrea, il-Libja, l-Iraq, il-Yemen u l-Iran.