Il-Gvern Ingliż jintroduċi kwarantina għal min ġej mil-Lussemburgu

REUTERS/Borja Suarez

Il-Gvern Ingliż impona kwarantina fuq kull minn jirritorna lejn il-pajjiż mil-Lussemburgu, wara żieda f’każijiet ta’ coronavirus hemmhekk.

Il-vjaġġaturi ngħataw biss ftit sigħat twissija li se jkollhom jiżolaw irwieħhom għal ġimagħtejn hekk kif jirritornaw mill-pajjiż Ewropew billi dan tneħħa mil-lista ta’ eżenzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit.

Intant, is-Segretarju tas-Saħħa Ingliż Matt Hancock qal tard ilbieraħ filgħaxija li l-lockdown f’partijiet min-naħa ta’ fuq tal-Ingilterra se tkun imsaħħa, minħabba żieda fir-rata ta’ trażmissjoni f’dawn l-inħawi.

“Minn nofsillejl tal-lejla, nies minn djar differenti ma jistgħux jiltaqgħu flimkien, lanqas ġewwa”, qal fuq Twitter.

Dawn iż-żoni jinkludi partijiet minn Greater Manchester u partijiet minn West Yorkshire u East Lancashire. Ilbieraħ, ir-Renju Unit irrapporta l-ogħla numru ta’ każijiet ġodda għal aktar minn xahar. Il-Prim Ministru Boris Johnson qal li sa ċertu punt il-Covid-19 kienet taħt kontroll fil-pajjiż, iżda ż-żieda ta’ każijiet f’xi pajjiżi oħra kienet konferma li l-pandemija ma ntemmitx.

Ilbieraħ kien hemm 846 każ ġdid fir-Renju Unit.

Hancock żied jgħid: “Ninsab inkwetat mit-tieni mewġa. Naħseb li wieħed jista’ jara t-tieni mewġa miexja fl-Ewropa u rridu nagħmlu minn kollox biex ma nħalluhiex tasal fil-kosta tagħna, u niġġilduha”.

Intant in-Norveġja imponiet kwarantina ta’ għaxart ijiem fuq persuni li jivvjaġġaw mill-Belġju, wara li l-ġimgħa li għaddiet għamlet l-istess fuq vjaġġar minn Spanja.