Sors imlaħħaq fil-Gvern Ingliż qal li l-Ingilterra mistennija tara restrizzjonijiet stretti iktar jekk il-pandemija tal-Covid-19 tibqa’ tinxtered bir-rata preżenti. Huwa qal li r-restrizzjonijiet ġodda li huma qed jiġu kkunsidrati huma livell ieħor ta’ sigurtà. Dan ifisser li, hekk kif bħalissa l-Ingilterra tinsab fir-raba’ livell ta’ restrizzjonijiet, b’dawn il-miżuri l-ġodda tidħol fil-ħames livell.
Mal-midja, l-istess uffiċjal qal li l-Gvern Ingliż mhu jeskludi xejn hekk kif il-varjant il-ġdid huwa ta’ inkwiet kbir u sostna li livell erbgħa ta’ restrizzjonijiet ma jidhirx li qed ikun effettiv biżżejjed.
Ir-raba’ livell ta’ restrizzjonijiet u sigurtà jinkludi:
- Ma tistax barra mid-dar ħlief għal affarijiet essenzjali (xogħol, skola, etc.)
- Ma tistax tiltaqa’ ma’ nies oħra ġewwa, inkluż tul il-perjodu tal-Milied u s-sena l-ġdida, sakemm ma tgħix magħhom diġa.
- Barra tista’ tiltaqa’ ma’ persuna waħda oħra biss minn residenza differenti.
Ilbieraħ fl-Ingilterra nstab l-ogħla ammont ta’ każijiet ġodda s’issa hekk kif 41,385 persuna nstabu pożittivi għall-coronavirus u mietu 357 persuna sa 28 ġurnata minn meta nstabu pożittivi.
Bħalissa madwar 18 il-miljun persuna fl-Ingilterra qed ikunu affettwati bl-ogħla miżuri u restrizzjonijiet tar-raba’ livell.
Sptarijiet madwar l-Ingilterra qed jissieltu sabiex ilaħqu hekk kif iktar pazjenti qed jiddaħħlu l-isptar minħabba l-Covid-19, liema rata qed tilħaq il-quċċata tal-ewwel li ntlaħqet f’April.