​Il-Gvern Ingliż isejjaħ laqgħa urġenti wara l-avvelenament ta’ eksspija

Ministri għolja tar-Renju Unit se jkollhom laqgħa urġenti llum biex jiddiskutu inċident li fih eksspija ġie espost għal sustanzi li għadhom mhux magħrufa.
Skont l-AFP, il-Ministru għall-Intern Amber Rudd se tkun qed tmexxi laqgħa tal-Cobra, kumitat li jiltaqa’ waqt emerġenzi nazzjonali, biex tiġi studjata s-sitwazzjoni ta’ Sergei Skripal li mar joqgħod fir-Renju Unit fl-2010 wara li kien hemm qbil biex l-Istati Uniti u r-Russja jieħdu spija bi spija minn ta’ xulxin.
Skripal u t-tifla tiegħu Yulia jinsabu f’qagħda kritika l-isptar wara li ġew esposti għal xi sustanzi.
Il-Pulizija qalet li qed iżżomm moħħ miftuħ dwar min seta’ kien l-moħħ ta' wara dan l-attakk. Madanakollu, is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin Boris Johnson ippunta subgħajħ lejn ir-Russja. Qal li l-aħħar attakk ifakkar f’attakk li seħħ fl-2006 fejn l-eksspija Russu Alexander Litvinenko ġie vvelenat.
Xi membri mit-tim mediku li ttrattaw lir-raġel u t-tifla tiegħu kellhom bżonn għajnuna medika huma wkoll.