Il-Gvern Ingliż imħeġeġ iżomm kelmtu dwar l-iskejjel tal-Knisja

L-Isqfijiet Ingliżi għamlu appell urġenti lill-Kattoliċi biex jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern  iżomm il-wegħda elettorali li kien għamel li jneħħi l-limitu ta’ 50% biss mit-tfal li jidħlu fl-iskejjel tal-Istat jingħataw edukazzjoni reliġjuża.
L-Arċisqof Peter Smith appella lill-Gvern biex jonora l-programm elettorali tal-Partit Konservattiv li għamel qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Għal 170 sena kien hemm ftehim li gvenijiet suċċessivi dejjem onoraw, li 50% tal-familji Kattoliċi għandhom id-dritt li uliedhom jingħataw edukazzjoni konformi mat-twemmin reliġjuż tagħhom. Qabel l-elezzjoni l-Partit Konservattiv wiegħed li se jneħħi dan il-limitu. L-Isqfijiet qed jappellaw lill-Gvern biex jonora din il-wegħda.
L-Isqfijiet issa qed iħeġġu lill-poplu biex jiffirma petizzjoni li ttellgħet fuq is-sit elettroniku tad-djoċesi li fiha l-ġenituri jitolbu lill-Isqfijiet biex jitkellmu mal-Ministru tal-Edukazzjoni, Justine Greening biex titneħħa din l-inġustizzja. Il-petizzjoni tgħid illi “li tisforza skejjel kattoliċi li ma jaċċettawx tfal kattoliċi a bażi tat-twemmin tagħhom, tkun qed thedded il-prinċipju li kull ġenitur kattoliku għandu dritt jagħżel skola li toffri edukazzjoni nisranija lil uliedu”.
Kelliem għas-Servizz tal-Edukazzjoni Kattolika qal li l-Isqfijiet iridu li l-komunita’ kattolika titkellem malajr. “Kull darba li nistaqsu lill-Gvern x’qed jiġri dwar din il-wegħda, r-risposta tkun ‘ninfurmawkhom meta jkun il-waqt’. Dak li qed iħassibnu hu dak li m’humiex jgħidu. Nibżgħu li jekk il-komunita’ kattolika ma tqumx u turi li għaliha din hi kwestjoni serja ħafna, il-ġlieda tista’tintilef”.
L-Isqfijiet qed isostnu li skont il-Liġi Kanonika l-iskejjel kattoliċi ma jistgħux ma jaċċettawx studenti kattoliċi fuq il-bażi tat-twemmin tagħhom u għalhekk dan il-limitu ta’ 50% għandu jitneħħa. Id-deċiżjoni hi f’idejn il-Ministru tal-Edukazzjoni u ma tinħtieġx vot fil-Parlament.
Il-Prim Ministru, Theresa May esprimiet appoġġ biex il-limitu jitneħħa u aktar kmieni din is-sena qalet fil-Parlament li temmen li hu mportanti li aktar skejjel tal-knisja jkunu nkoraġġiti jiftħu u jikbru.