Il-Gvern Indjan jagħlaq l-aċċess għal 30 sit minħabba l-Istat Iżlamiku

Id-deċiżjoni tal-Gvern Indjan li jingħalaq l-aċċess għal madwar 30 sit elettroniku ġabet magħha rabja kbira fost l-Indjani.
Id-Dipartiment tat-Telekomunikazzjoni Indjan wasal għal din id-deċiżjoni biex ma jiġux ippubblikati attivitajiet relatati mal-jiħadisti.
Wara pressjoni kbira li saret fuq il-Gvern Indjan, erbgħa minn dawn is-siti, Weebly, Vimeo, Daily Motion u Github reġgħu nfetħu għall-pubbliku.
Il-Ministru responsabbli mit-telekomunikazzjoni qal li l-jiħadisti kienu qed jagħmlu użu mis-siti soċjali biex iħeġġu liż-żgħażagħ Indjani biex jingħaqdu mal-Istat Iżlamiku.
Qal li l-ikbar tħassib tal-Gvern Indjan kien li dawn is-siti ma kellhomx bżonn l-awtentiċità tal-persuna li tagħmel użu minnhom biex jittellgħu kummenti favur il-militanti Iżlamiċi.