Il-Gvern indika li kellu jagħmel mod u għamel eżatt il-kontra – Simon Busuttil

F’għeluq is-sena minn mindu l-Partit Laburista ġie elett fil-Gvern, il-Kap tal-Oppożizzjoni indirizza konferenza tal-aħbarjiet fejn semma’ lista ta’ affarijiet li l-Gvern kien indika li se jagħmel, mentri fil-fatt għamel eżatt il-kontra.

Dwar ix-xogħol, Dr Busuttil qal li n-numru ta’ persuni jirreġsitraw għax-xogħol kien iqarreb it-8,000. Fakkar li s-settur tas-saħħa sejjer mill-ħażin għall-agħar.
Dr Busuttil saħaq li l-Gvern Laburista kien wiegħed meritokrazija iżda pprovda x-xogħol lil min tah is-sapport filwaqt li f’xi okkażjonijiet, saħansitra ħoloq pożizzjonijiet apposta għalihom.
Simon Busuttil semma’ li dan il-Gvern ħalla l-Ministri jiksru l-kodiċi tal-etika u ried iħalli sigriet il-ftehim iffirmat ma’ Henley and Partners.

Sostna li dan il-Gvern wiegħed ġlieda kontra l-korruzzjoni, filwaqt li naqas milli jressaq quddiem il-Qorti lil dawk involuti fl-iskandlu tal-ismart meters.