Il-Gvern imwissi mill-IMF

Ir-rapport li ħareġ il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) aktar kmieni dan ix-xahar dwar il-qagħda ekonomika ta’ Malta, imur lil hinn mill-istqarrija maħruġa mill-Gvern.
Ir-rapport tal-IMF hu bbażat fuq dak li ġabru l-esperti li żaru Malta u ltaqgħu mal-Awtoritajiet konċernati.
Skont il-Gvern, l-IMF ikkonferma li l-ekonomija se tkompli tikber.
Iżda f'rapport b’14-il punt, l-IMF ma jagħmilx biss referenzi għal riżultati pożittivi minn istituzzjonijiet Maltin.
L-IMF jikkritika wkoll lill-Gvern għan-nuqqas ta’ azzjoni u jirrakkomanda biex il-liġijiet Ewropej dwar il-ħasil ta’ flus jiġu implimentati b’mod vigoruż u li jsir infurzar effettiv dwaru.
L-IMF sejjaħ din l-azzjoni bħala “kritika” minħabba l-iżviluppi mhux ċari tal-ekonomija ta’ Malta fosthom fis-settur tal-gaming, li qed jikber b’rata mgħaġġla u d-domanda għolja għall-programm ta’ bejgħ tal-passaporti.
L-IMF jisħaq li jekk Malta ddaħħal id-direttiva Ewropea kontra l-ħasil ta’ flus fil-liġijiet tagħha, tkun qed tgħin fl-isforzi biex l-integrità tas-sistema finanzjarja ta’ Malta tkun assigurata.
Din id-direttiva suppost iddaħħlet fis-seħħ fil-liġijiet ta’ Malta sa Ġunju li għadda. F’Awwissu, il-Kummissjoni Ewropea kienet qalet li ma rċevitx tweġiba minn Malta għall-ittra li kienet bagħtet sabiex tistaqsi għaliex id-direttiva kontra l-ħasil ta’ flus għadha ma ddaħħlitx fil-liġi Maltija.
Twissija oħra li ma ssemmietx mill-Gvern b’reazzjoni għal dan ir-rapport tal-IMF hija dwar il-prezzijiet tad-djar. Għalkemm il-Gvern semma r-rakkomandazzjoni dwar il-housing soċjali, naqas milli jsemmi miżura differenti relatata mal-prezzijiet ġenerali tax-xiri tad-djar.
L-IMF qal hekk: “Jidher li l-prezzijiet tad-djar daħlu f'fażi eċċessiva, għalkemm modesta, u għalhekk huma bżonnjużi l-miżuri biex ir-riskji ma jakkumulawx fuq xulxin.”
Lejn l-aħħar tal-istqarrija tal-Gvern, il-Ministeru għall-Finanzi jgħid biss li l-IMF stieden lill-Gvern biex ikompli bl-implimentazzjoni tal-miżuri li jassiguraw stabbiltà finanzjarja”, mingħajr ma jsemmi l-gravità tas-sitwazzjoni.
Ritratt: Arkivji