Il-Gvern iniedi d-dokument ta’ qabel il-baġit

Il-Ministru Edward Scicluna nieda d-dokument ta’ qabel il-baġit 2014.

Fi kliem il-Ministru il-Gvern jinsab għaddej fid-direzzjoni t-tajba biex inaqqas id-defiċit għal 2.7%, għalkemm stqarr li l-Kummissjoni Ewropea u l-IMF għandhom ir-riżervi tagħhom.

Il-baġit għas-sena d-dieħla se jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li saru lill-Gvern mill-Kummissjoni Ewropea fosthom il-piż tat-tariffi tad-dawl u l-ilma u l-pensjonijiet.

Huwa hu jwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Ministru qal li fil-preżent għaddejjin laqgħat ma’ grupp ta’ esperti mill-Ministeru għas-Sigurta’ Soċjali li se jressaq suġġerimenti biex fil-baġit jintroduċi ‘optional third pillar’ għall-pensjonijiet.

Dan se jkun ifisser l-introduzzjoni ta’ pensjoni privata volontarja.

Edward Scicluna stqarr li l-Gvern se jsaħħaħ struttura ekonomika li diġa’ hi b’saħħita.

Qal li filwaqt li t-taxxi mhux qed jiżdiedu l-piż tagħhom mhux jonqos u l-Gvern se jara li dan il-piż jibda jonqos bejn l-2014 u l-2015.

Il-Ministru enfasizza li l-ħidma tal-Gvern trid tiġi kkalkulata fuq medda ta’ ħames snin.

Fir-rigward tar-roħs fit-tariffi dawn se jorħsu b’25% minn Marzu.

Bħala parti mill-ftehim, ir-roħs jista’ jirrifletti qabel mal-proġett ikun lest.

Il-Ministru Edward Scicluna qal li l-Gvern se jkompli bit-tnaqqis tat-taxxa fil-kategorija tal-35%.

Dwar ix-xogħol saħaq li dan qed jiżdied fuq ritmu kostanti, il-qgħad se jonqos filwaqt li l-inflazzjoni tinsab maż-0.8%.

Id-dokument issa se jitressaq għad-diskussjoni quddiem l-imsieħba soċjali li se jkunu jistaw jagħmlu l-proposti u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom.

Ġeneralment il-Gvern jinkludi uħud mill-proposti mressqa fil-baġit.