​Il-Gvern iħalli barra lill-Oppożizzjoni f’kumitat għad-demokrazija

Inħatar kumitat tekniku għat-tisħiħ tad-demokrazija rappreżentattiva mingħajr rappreżentanti mill-Oppożizzjoni.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li l-kumitat inħatar mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi Julia Farrugia Portelli mingħajr konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni.
L-Oppożizzjoni saret taf b’dan kollu mill-Gazzetta tal-Gvern tal-lum.
Fi kliem il-PN, il-kumitat jinkludi persuni f’position of trust fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kandidati tal-Partit Laburista (PL) u persuni oħra qrib il-PL.
“Il-ħatra ta' dan il-kumitat sar mingħajr ma ġew ippubblikati t-termini ta' referenza jew terminu taż-żmien biex iwettaq il-ħidma tiegħu.”
Il-PN jememen li għall-Gvern Laburista d-demokrazija rappreżentattiva għandha tinvolvi biss nies mill-Gvern. Il-PN qal li jridu jiġu nvoluti nies minn setturi differenti tas-soċjetà li jkollhom fehmiet politiċi differenti.
Il-PN talab lill-Gvern biex jissospendi l-ħatra tal-kumitat u jniedi proċess ta’ konsultazzjoni.
Il-kumitat u magħmul minn:
Ċerpersin
Il-Prof. Carmen Sammut
Membri
Dr Jonathan Attard
Il-Prof. Frank Bezzina
Dr Josianne Cutajar
Dr Lara Dimitrijevic
Renee Laiviera
Dr Robert Musumeci
Lorraine Spiteri
Segretarja
Moira Galea
Skont il-Gazzetta tal-Gvern, dawn il-ħatriet huma effettivi għal sena.
"Dan il-kumitat hu wieħed intern tal-Gvern" – Segretarjat
Is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi qal fi stqarrija li dan il-kumitat hu wieħed intern tal-Gvern u nħatar biex jiskatta l-proċess ta' diskussjoni.
Spjega li l-Gvern jemmen li b'aktar nisa fil-politika tissaħħaħ id-demokrazija rappreżentattiva. Għaldaqstant stieden lill-Oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili flimkien ma' stakeholders oħra biex jagħtu s-sehem tagħhom la tibda din id-diskussjoni.
Spjega wkoll li l-Gvern għandu mandat elettorali biex iressaq proposti li jwasslu sabiex ikun hemm aktar bilanċ bejn is-sessi fil-politika. 
Ritratt: Facebook – Prof. Carmen Sammut