“Il-Gvern iħaddem lil ta’ ġewwa; lill-pazjenti ta’ Monte Karmeli jħallihom ibatu” – PN

Il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-aġir tal-Gvern, li skontu, daħħal iħaddem f’faċilitajiet tas-saħħa mentali lil nies li kienu viċin tiegħu, għad-detriment tal-persuni li jsofru bi problemi tas-saħħa mentali. Dan wara li fil-midja dehru rapporti li jgħidu li s-soqfa fl-Isptar Monte Karmeli huma f’kundizzjoni ħażina.

Fi stqarrija ffirmata mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Mario Galea, il-PN sostna dwar l-importanza ta’ manutenzjoni kontinwa fl-isptar. Fl-istess waqt, il-PN qal li hu beħsiebu jibqa’ l-vuċi tal-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali, li skontu, il-Gvern “abbandunahom, warrabhom u nesiehom għax bla vuċi.”

Il-Partit esprima s-solidarjetà tiegħu mal-pazjenti u mal-impjegati tal-Isptar Monte Karmeli, u qal li dawn jixirqilhom kundizzjonijiet u ambjent sigur u diċenti.