Il-Gvern iħabbar l-użu mandatorju tal-maskri kullimkien

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li minn għada l-użu tal-maskra se jkun mandatorju kullimkien hekk kif persuna tixref ‘il barra mill-bieb tad-dar. Din il-miżura ddaħħlet biex titnaqqas l-imxija tal-coronavirus f’Malta hekk kif fl-aħħar tliet ġie rreġistrat rekord ta’ każijiet ġodda li kompla jiżdied wieħed fuq ieħor.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa filgħaxija fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li din il-miżura se tkun mandatorja minn għada iżda se tibda tiġi infurzata mill-Ġimgħa 23 ta’ Ottubru.

Is-Supretendent għas-saħħa pubblika l-Professur Charmaine Gauci spjegat li hemm xi eċċezzjonijiet għal din il-miżura fosthom li tfal taħt it-3 snin ma jilbsuhix u persuni b’kundizzjonijiet mediċi m’għandhomx jilbsu l-maskra.

Wieħed jista’ jneħħi l-maskra f’ċerti sitwazzjonijiet:

  • F’karozza privata iżda rakkomandazzjoni li tintlibes jekk jirkeb xi ħadd li mhux parti mill-familja.
  • F’attivitajiet fiżiċi iżda l-maskra għandha tintlibes dritt wara.
  • Nies dipendenti fuq il-lip reading biex kulħadd ikun jista’ jikkomunika.
  • F’sitwazzjonijiet ta’ public speaking waqt li tinżamm id-distanza.
  • F’sitwazzjoni ta’ identifikazzjoni bħalma huma banek jew ajruport iżda terġa’ tintlibes dritt wara.
  • Waqt trattament fil-wiċċ.
  • Waqt l-ikel iżda jekk se tqum minn mal-mejda trid terġa’ tintlibes.

Dwar l-iskejjel, il-Professur Gauci spjegat li l-maskra hija obbligatorja għall-iskejjel primarji, sekondarji u post-sekondarji b’hekk dawn l-istudenti jridu jilbsuha f’kull ħin.

L-ogħla rekord b’122 każ ġdid f’temp ta’ ġurnata
Filmat: Rekord ġdid ta’ każijiet: 122