“Il-Gvern igawdi s-surplus imma ma jinvestix fir-riċerka medika” – Prof. Vassallo

Il-Professur Neville  Vassallo ilmenta li minkejja li l-Gvern irreġistra surplus f’din l-aħħar sena, l-istudenti u x-xjenzati li jwettqu r-riċerka medika għadhom mhumiex qed jingħataw għajnuna finanzjarja b’saħħitha biżżejjed biex jikkompetu ma’ pajjiżi barranin.
Waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni tat-tobba u x-xjenzati l-ġodda fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta, il-Professur Vassallo qal li Malta qed tibqa’ lura, filwaqt li pajjiżi kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha bħaċ-Ċina, qed jinvestu kemm jifilħu fir-riċerka medika, u jkabbru l-bażi xjentifika tal-pajjiż.
Skont il-Professur Vassallo, Malta qed tinvesti biss 0.8% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) fir-riċerka u l-iżvilupp, filwaqt li l-medja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea jinvestu madwar 2% tal-PGD tagħhom, u din is-somma mistennija tibqa’ tiżdied, ladarba l-mira tal-Istrateġija ta’ Liżbona tal-UE hija li l-istati membri jonfqu 3% tal-PGD tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp.
Madankollu, il-Professur Vassallo faħħar ix-xogħol li sar f’din l-aħħar sena f’Malta, hekk kif infetaħ iċ-Ċentru għall-Mediċina Molekulari u l-Biobanking, u żdiedet il-kollaborazzjoni tal-Isptar Mater Dei u l-Università ta’ Malta ma’ universitajiet u istituzzjoniijet barranin.
Il-Professur Vassallo hawnhekk reġa’ saħaq dwar il-ħtieġa ta’ appoġġ finanzjarju għax-xjenzati biex ikomplu jmantnu ċ-ċentru u jiżviluppaw ir-riċerka tagħhom.  
Fuq kollox, skontu, l-ispiża tar-riċerka medika hija bil-wisq inqas mill-ispiża tas-servizzi tal-kura tas-saħħa għall-Gvern, u jista’ jkollha riżultati iktar fit-tul.