Il-Gvern ifittex bastiment biex ipoġġi l-immigranti fuqu

Captain Morgan

Read in English.

Il-Gvern Malti ħareġ sejħa ta’ espressjoni ta’ interess għal bastiment biex “fuqu jinżammu immigranti fi kwarantina.”

 Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern qal li sal-lum, diġà ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa fil-każi fejn instabu immigranti pożittivi u dawn dejjem inżammu iżolati. Saħansitra, il-gvern fetaħ klinika f’Ħal Far operata mir-Red Cross.

“Il-gvern qiegħed jaħdem bis-sħiħ biex inaqqas il-wasliet lejn Malta, tant li fl-aħħar ġimgħat eluf ta’ immigranti li bdew il-vjaġġ mil-Libja kienu salvati fl-ibħra Libjani u ttieħdu lura minn fejn bdew il-vjaġġ. Baqgħet għaddejja wkoll il-ħidma għal rikolazzjonijiet u ritorn ta’ persuni li ma jkunux eleġibbli għall-protezzjoni,” qal il-Gvern.

Skont il-Gvern, jibqgħu jinqalgħu każi fejn fl-ibħra Maltin l-għażla tkun bejn jekk jissalvawx persuni li jkunu qegħdin jegħrqu jew jekk jitħallewx imutu. F’dawn il-każi, Malta ma jkolliex għażla ħlief li ssalva skont l-obbligi legali u internazzjonali tagħha li bihom hi marbuta.

“F’dan l-istadju, il-gvern Malti ħass li għandu jkun hemm ukoll l-għażla li jintuża dan il-bastiment biex is-sitwazzjoni tkun ikkontrollata u mmaniġġjata b’mod aħjar,” kompla jgħid.

Il-Gvern kompla jgħid li dan il-bastiment irid jikkumplimenta l-ħidma tiegħu, li hija qabel xejn iffukata fuq il-prevenzjoni tal-wasliet, u l-użu tiegħu huwa maħsub għal meta l-Forzi Armati ta’ Malta “ma jkollhomx għażla ħlief li jsalvaw persuni li jkunu qed jegħrqu.”