“Il-Gvern iċedi”; L-infermiera Għawdxin b’xift aħjar mill-Maltin

L-infermiera f’Għawdex se jkollhom xift differenti mill-infermiera li jaħdmu f’Malta, u li skont infermiera li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt din is-sistema se tkun aħjar.
Dan wara pressjoni mill-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) li fl-aħħar ġimgħat ressqet il-proposta tal-infermiera fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex jaħdmu l-50% Roster.
Il-50% Roster tfisser li l-infermiera jaħdmu b’sistema ta’ “Day, Night, Rest, Off”. Bħalissa qed jaħdmu bis-sistema, simili għal dik tal-isptarijiet f’Malta – “Day, Day, Night, Rest, Off”
Infermiera li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li fil-laqgħat li kellhom mal-MUMN, ġew assigurati li jaħdmu dan ix-xfit iżda wara li l-amministrazzjoni tal-isptar kienet approvat dan il-ftehim, l-istess ftehim kien ġie revokat fi żmien 24 siegħa wara telefonata mill-Ministeru għas-Saħħa.
Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea qal li din is-sistema għandha tidħol fil-jiem li ġejjin iżda ma tax dettalji tal-ġurnata eżatta. Dan ifisser li l-Gvern ċeda għall-pressjoni li għamlet l-istess Unjin fil-jiem li għaddew. Fisser ukoll li kien għalhekk li l-Unjin irtirat l-azzjonijiet industrijali ppjanati fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.
Fi tweet, il-Minister għas-Saħħa Chris Fearne kien ħabbar li l-Gvern kellu laqgħa pożittiva mal-MUMN f'Għawdex:

https://platform.twitter.com/widgets.js

Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li fil-każ tal-Isptar Mater Dei, dan it-tip ta’ xift mhux possibbli li jingħata lill-infermiera Maltin minħabba n-nuqqas ta’ infermiera. Huwa mifhum li kien għalhekk li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqqaf dan il-qbil fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex minħabba li seta’ jkollu impatt negattiv fuq l-amministrazzjoni tal-Isptar Mater Dei.
Il-Kap tal-Infermiera Dr Joe Fenech qal ma’ Newsbook.com.mt li ma setax jikkumenta dwar dawn it-taħditiet u li kull mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni ta’ Vitals Global Healthcare (VGH).
Sal-ħin tal-pubblikazzjoni, kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa kienet għadha ma weġbitx dwar meta se jiġu implimentati x-xiftijiet il-ġodda.
X’ġara qabel ma ntlaħaq il-ftehim?
26 ta’ Jannar: L-amministrazzjoni tal-Isptar ta’ Għawdex iltaqgħet mal-infermiera biex tħabbrilhom li qed taċċetta l-proposta tagħhom biex jaħdmu bil-‘50% Roster’. Jgħidulhom li kellha tidħol fis-seħħ it-Tnejn 29 ta’ Jannar.
27 ta’ Jannar: L-infermiera jirċievu messaġġ li l-proposta kellha tiġi posposta minħabba li l-Ministeru għas-Saħħa ma jaqbilx dwar l-implimentazzjoni. Ma jingħatawx dettalji dwar għaliex u meta se tidħol fis-seħħ.
30 ta’ Jannar: F’konferenza tal-aħbarijiet, l-MUMN sejħet għal azzjonijiet industrijali.
1 ta’ Frar: Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jħabbar li l-Gvern kellu laqgħa pożittiva mal-MUMN u għaldaqstant ġew rivokati l-azzjonijiet industrijali.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN jgħid li kien dakinhar li ntlaħaq qbil mal-Ministeru u l-Gvern ċeda biex l-infermiera Għawdxin tal-General Wards jibdew jaħdmu bil-‘50% Roster’.