Emendi kostituzzjonali approvati b’mod unanimu

Illejla l-Parlament approva b’mod unanimu l-emendi kostituzzjonali proposti mill-Gvern wara l-publikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni Venezja dwar is-Saltna tad-Dritt.

Bi 63 vot favur u xejn kontra, sitt abbozzi tal-liġijiet li jemendu l-kostituzzjoni issa daħlu fis-seħħ. Dawn jinkludu l-għażla tal-President biż-żewġ terzi, il-ħatra u t-tneħħija ta’ membri tal-ġudikatura, il-ħolqien tal-kummissjoni permanenti kontra l-korruzzjoni, il-ħatra tal-Ombudsman u emendi oħra.

Fit-tmiem tas-seduta dehru xeni mhux tas-soltu hekk kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia deher jaqsam il-kamra biex jieħu b’idejn il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis li ppilota l-emendi. Kull votazzjoni kienet proposta mill-Ministru Zammit Lewis u ssekondata minn Delia.

Fil-bidu tas-seduta, il-Ministru għall-Ġustizzja kien aċċenna li l-Gvern kien qed ineħħi l-klawsola tal-proċeduri ta’ riserva għal ħatriet tal-President, il-Prim Imħallef u l-Ombudsman, biex jekk ma jintlaħaqx qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, il-persuna fil-kariga tibqa’ fil-pożizzjoni tagħha sakemm ma jinstabx kandidat li jgħaddi biż-żewġ terzi tal-kamra.

Meta kien qed jitkellem fl-istadju ta’ kumitat dwar emendi fil-liġi li tirregola l-uffiċċju tal-Ombudsman, Zammit Lewis qal li filwaqt se jkun hemm min jikkritika lill-Gvern li ċeda ħafna anki fid-dawl tal-maġġoranza li l-Partit Laburista jgawdi fil-pajjiż, id-determinazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jintlaħaq qbil u l-emendi jgħaddu mill-Parlament rebħu fuq kull ostaklu.

Huwa rringrazzja lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u lid-deputat Nazzjonalista Chris Said li fi kliemu, filwaqt li għamlu l-ħajja tiegħu diffiċli, fl-aħħar intlaħaq qbil.

Min-naħa tiegħu, Said qal li minkejja li din mhux is-sitwazzjoni ideali kieku l-Oppożizzjoni aċċettat il-‘fallback position’ kien ikun pass lura.I

Il-fallback position kienet tgħid li President, Prim Imħallef u Ombudsman jinħatru biż-żewġ terzi, iżda fl-eventwalità li wara żewġ voti biż-żewġ terzi ma jintgħażilx, dan jintgħażel b’maġġoranza sempliċi. L-Oppożizzjoni kienet se tivvota kontra din l-emenda.

Il-viċi-Prim Ministru u leader of the House Chris Fearne aġġorna l-parlament għal 5 t’Ottubru wara l-vaganzi tas-sajf.

Il-President jilqa’ b’sodisfazzjon il-qbil bejn iż-żewġ partiti

Il-President George Vella laqa’ b’sodissfazzjon il-qbil bejn iż-żewġ naħat tal-kamra sabiex ikun hemm tibdil kostituzzjonali.

Il-President qal permezz ta’ dan il-qbil ġie ppruvat li d-diskkussjoni madwar mejda hija l-aħjar mezz biex wieħed jasal għal ftehim.

Żied li dan huwa mezz demokratiku kif Gvern u Oppożizzjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jinkisbu riżultati għall-ġid tan-nazzjon kollu. Il-President jittama li jkun hemm aktar koperazzjoni fil-futur sabiex riformi oħra fil-Kostituzzjoni jseħħu.

L-Oppożizzjoni strumentali fit-tibdil tal-Kostituzzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni kienet strumentali biex ikun hemm emendi kostituzzjonali. Fi stqarrija Delia qal li l-Oppożizzjoni qiegħda tkompli tagħti s-sehem tagħha biex jissaħħu l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Żied li fl-aħħar snin l-Oppożizzjoni ħarġet numru ta’ proposti biex jissaħħu l-istituzzjonijiet tal-pajjiż wara l-mod abbużiv li bih il-Gvern Laburista uża l-istituzzjonijiet.

Il-Kap tal-PN irrigrazzja lil Chris Said, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-Riforma Kostituzzjonali u lill-membri tal-PN fl-Isteering Committee dwar ir-Riforma Kostituzzjonali Tonio Borg u Amy Camilleri Zahra, u l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis.

Delia temm li dak li seħħ illum fil-Parlament huwa rebħa għall-poplu Malti u Għawdxi kollu għax l-istituzzjonijiet se jkunu aktar b’saħħithom u se jħarsu l-interessi tal-poplu. Il-Partit Nazzjonalista għandu aktar proposti li se jkun qiegħed jiddiskutihom mal-Gvern fix-xhur li ġejjin.