‘Il-Gvern huwa iktar interessat fl-ispekulazzjoni tal-art’ – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Gvern li huwa iktar interessat fl-ispekulazzjoni tal-art agrikola milli jipproteġiha.

Dan qalu fi stqarrija l-Erbgħa fejn l-Oppożizzjoni spjegat għala ooġezzjonat għal taparsi reviżjoni tal-politika tal-pompi tal-petrol. Il-Partit Nazzjonalista saħaq li matul il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar huwa tkellem għall-ħarsien effettiv tal-art agrikola u tal-art barra miż-żona tal-iżvilupp.

Il-Partit Nazzjonalista spjega li l-politika kif ġiet riveduta mhix qed tistipula d-distanza minima bejn pompa tal-petrol rilokata u oħra eżistenti, qed tippermetti r-rilokazzjoni tal-pompi tal-petrol fuq art barra miż-żona tal-iżvilupp u fuq art agrikola, filwaqt li qed tippermetti li l-pompa tkun anke sa 3,000 metru kwadrat fuq art barra miż-żona tal-iżvilupp. Il-PN osserva li l-politika mhix tipprojbixxi permess kummerċjali eżistenti fuq art barra miż-żona tal-iżvilupp li jkun hemm applikazzjoni biex jinbidel għal applikazzjoni għall-pompa tal-petrol.

L-Oppożizzjoni saħqet li l-Gvern irrifjuta milli jispjega x’se jiġri mill-pompi tal-petrol li qed ikunu rilokati u mkabbra iktar milli huma ġaladarba ftit snin oħra l-pajjiż se jaqleb għall-vetturi li jaħdmu bl-elettriku biss.

Id-dewmien fir-reviżjoni tal-politika tal-pompi tal-petrol waslet għal rabja kbira fost il-gruppi ambjentali li kienu sostnew li l-applikazzjonijiet pendenti se jintlaqqgħu jew jiġu miċħuda skont il-politika li hemm eżistenti.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li d-differenza bejnu u bejn il-Gvern hi ċara hekk kif il-Gvern irid jippermetti aktar sfreġju ambjentali f’art agrikola u art barra miż-żona tal-iżvilupp. Għall-kuntrarju tal-Gvern, il-Partit Nazzjonalista qal li huwa ma jridx li jsir abbuż minn art ODZ u art agrikola bl-iskuża ta’ rilokazzjonijiet tal-pompi tal-petrol.

L-istqarrija kienet iffirmata mill-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent Jason Azzopardi u mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ippjanar Marthese Portelli.