Il-Gvern hu mibni “fuq gideb u propoganda” – Simon Busuttil

Waqt programm tar-radju li jixxandar fuq Radio 101, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Gvern hu mibni fuq xejn iktar apparti gideb u propoganda.
Qal li l-Gvern kien wiegħed lill-poplu li l-power station se tkun lesta fi żmien sentejn u Joseph Muscat kien qal li jekk dan ma jseħħx, hu se jirriżenja. Kien qal ukoll li se jibni l-powerstation biex iraħħas il-kontijiet.
Dr Busuttil spjega kif gidba oħra kienet li l-faċilità tal-ħażna tal-gass kellha tinbena f’Marsaxlokk sabiex il-power station tkun lesta fiż-żmien.
Simon Busuttil fakkar li l-Gvern se jidħol fi ftehim mal-Gvern Ċiniż li se jixtri l-impjant tal-BWSC. Dan sabiex jixtri l-elettriku kollu tagħha, anke jekk diġà ntrabat li jagħmel l-istess mal-Konsorzju privat li se jibni l-powerstation.
B’referenza għat-talba biex il-Gvern jippubblika l-kuntratti li ffirma mal-Electrogas u x-Shangai Electric Power, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li din it-talba saret biex il-Gvern iwettaq il-wegħda tiegħu ta’ trasparenza. Minkejja dan, il-Gvern mar kontra din il-wegħda meta nefaq €83 miljun biex xtara l-Petroleum Division tal-Enemalta.

Reazzjoni Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa
F’reazzjoni, il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa qal li l-gidba vera hi min dejjem qal li ma jistgħux jorħsu l-prezzijiet, b’referenza għall-Gvern preċedenti.
Spjega kif li wara għal snin, il-Gvern preċedenti qal lill-familji u lin-negozji li huma impossibbli jorħsu l-kontijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni issa prova jieħu l-mertu tar-roħs fil-kontijiet li sar minn dan il-Gvern.
Fl-istess stqarrija intqal ukoll li Simon Busuttil reġa’ ddefenda l-impjant tal-BWSC li jaħdem bl-aktar żejt li jniġġeż, il-Heavy Fuel Oil. Żied jgħid li hu biss permezz tal-ħidma tal-Gvern preżenti li dan l-impjant li jkun qed jinqaleb għall-gass.