Il-Gvern ħatar imħallfin ġodda minflok għamel li qaltlu l-Kummissjoni Venezja – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Gvern ħatar maġistrati u mħallfin din il-ġimgħa minflok ma implimenta dak li qaltlu l-Kummissjoni Venezja. Dan għamlu mingħajr konsultazzjoni, minkejja li l-Kummissjoni Venezja qalet li għandha tinbidel is-sistema kif jintgħażlu l-imħallfin u l-maġistrati biex is-sistema tkun indipendenti.

Delia kkonkluda li dan juri li l-Gvern ma jimpurtahx mis-saltna tad-dritt, mill-ġustizzja u mis-sewwa. Dan qalu waqt attività politika f’San Pawl il-Baħar.

6 ħatriet ġodda fil-ġudikatura; 3 imħallfin u 3 maġistrati

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern irid jibqa’ jżomm kontroll fuq min jiġi maħtur għall-interessi partiġġjani tiegħu, meta r-rapporti tal-Kummissjoni Venezja u tal-GRECO qalu li l-mod kif il-Gvern qed imexxi l-istituzzjonijiet hu ta’ theddida għad-demokrazija f’Malta.

Ikompli l-battibekk dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja

L-Oppożizzjoni ppreżentat mozzjoni fil-Parlament biex jitwaqqaf kumitat parlamentari biex jistudja r-rapporti tal-Kummissjoni Venezja u tal-GRECO, u li jirrakkomanda wkoll kif jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet li saru. Delia qal li l-Oppożizzjoni beħsiebha tagħmel pressjoni biex ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja jidħlu fis-seħħ.

“Min jaħsad ir-riħ, joħloq riefnu” – Il-PM dwar ir-Rapport tal-GRECO