Il-Gvern ħataf lill-Avukat Ġenerali u lill-Pulizija f’idejh – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Prim Ministru ħataf taħt idejn l-Avukat Ġenerali waqt li kien għamel l-istess mal-Kummissarju tal-Puliżija.

Meta kien qed jindirizza attivita’ politika f’ Ħal tarxien, Delia qal li l-Prim Ministru li għandu aktar minn 40,000 vot vantaġġ xorta ħass il-ħtieġa li jaħtaf taħt idejn l-istituzzjonijiet independenti.

Huwa qal li l-Avukat Ġenerali fil-Qorti deher beżgħan u ma wieġeb għall-ebda mistoqsija li saritlu waqt li kompla l-każ tat-talba li saret mill-kap tal-Oppożizzjoni biex jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant.

Huwa qal li fil-pajjiżna tirrenja id-demokrazija u f’dan il-pajjiż il-liġi tiġi fuq kulħadd madanakollu, l-Avukat Ġenerali qed jagħmel minn kollox fosthom ittawwal il-proċeduri legali ħalli ma jsirx ġustizzja.

Delia qal li fl-aqwa żminijiet, l-anzjani huma beżgħana f’djarhom u ż-żagħżagħ fit-toroq. Huwa qal li l-influss ta’ nies barranin f’Malta qed iwassal biex aktar nies jorqdu fil-ġonnon u qed jiżdied l-ġlied fit-toroq fil-Marsa u Ħal Tarxien u dan qed iwassal biex jinqerdu l-valuri u twemmin nisrani tal-Maltin.

Huwa qal li jekk pajjiż għandu bżonn jilqa’ l-barranin, ejja jkunu nafu min huma, li jafu x’inhuma l-valur tagħna, jingħaqdu magħna u ssiru Maltin bħalna.

Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se joffri alternattiva li jkun Gvern li ma jħarisx biss lejn għada. Huwa qal li l-investiment li se jsir fit-toroq se jisfaxxa qabel ma jitlesta peress li mhux se jkun kapaċi jilqa’ għal żieda ta’ 1,000 karrozza fix-xahar. Huwa qal li dalwaqt l-indiċi ekonomiċi se juru li l-ekonomija mhux qed ittejjeb il-ħajja tal-Maltin għax waqt li infiq żdied, huwa ċar li dak li wieħed jista’ jonfoq naqas. Huwa qal fil-qasam tas-saħħa, il-Gvern qed iġib infermiera mhux UE-trained b’detriment għas-servizz offrut.

Delia estremist – PL

F’risposta għad-diskors ta’ Delia, il-Partit Laburista qal li Delia kien estremist f’ħinijiet minnhom.

Fi stqarrija, il-PL allega li Delia ma qalx kelma pożittiva waħda dwar Malta. Iddeskriva d-diskors ta’ Delia bħala wieħed “isteriku” u identiku ta’ kull diskors li kien jagħmel l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil. Żied jgħid li Delia baqa’ mwaħħal fil-passat mingħajr viżjoni għall-futur.