Il-Gvern ħallas €1.5 miljun f’pagamenti żejda

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Gvern ammetta li ħallas €1,500,000 f’pagamenti żejda bi żball.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Finanzi qal li “numru żgħir ta’ fornituri tħallsu darbtejn għall-istess pagament.”

Il-Ministeru mmexxi minn Edward Scicluna ħareġ din l-istqarrija wara li sarulu mistoqsijiet dwar il-każ mill-midja. Il-Ministeru qal li l-ammont totali tal-pagamenti li ma kellhomx isiru jammonta għal madwar €1.5 miljun.

Skont il-Ministeru, id-Dipartiment tat-Teżor induna bl-iżball meta kien qed jagħmel proċess ta’ verifika fuq il-pagamenti li jħallas. Intqal li t-Teżor “mill-ewwel ħa l-passi immedjati biex jiġbor lura dawn il-fondi.” Skont il-Ministeru, il-fornituri urew kooperazzjoni sħiħa biex jagħtu lura l-flus li rċevew li ma kinux tagħhom.

Il-Ministeru temm jgħid li “bħalissa, id-Dipartiment tat-Teżor għaddej bi proġett pilota biex il-ministeri u d-dipartimenti jaqilbu għas-sistema ta’ ‘accrual accounting’.”

Skont il-Gvern, dawn il-bidliet iġibu magħhom xi problemi inizjali li qed jiġu indirizzati.

Skont is-sit Net News, it-Teżor beda juża sistema ġdida mill-1 ta’ Jannar u li din mhux qed taħdem kif suppost. Skont in-Net saru żballji f’madwar 20 pagament.