“Il-Gvern ħalef li jeqred il-biedja Maltija” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gvern ħalef li jeqred il-biedja Maltija. Skontu, minkejja li l-Gvern jgħid li jipprijoritizza l-ambjent, huwa qed jagħti l-inqas prijorità lill-biedja, peress li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kien qal li din ma tirrendix flus.

Dan qalu fid-diskors li għamel waqt attività politika f’Għawdex.

Ilbieraħ, għadd ta’ bdiewa pprotestaw minħabba li madwar 226 tomna raba’ se jittieħdu mill-Gvern bħala parti mill-proġett ta’ estensjoni tal-faċilità tar-riċiklaġġ tal-iskart fil-Magħtab. Delia sejjaħ din il-protesta “il-bikja ta’ qabel il-mewt.”

Qal li ħa pjaċir meta sema’ lil bidwi jgħid li mhu se jippermetti lill-ebda l-Gvern jieħu l-għajxien tiegħu u ta’ mijiet ta’ familji oħra, għax din għandha tkun l-attitudni. Delia qal, iżda, li l-Gvern se jibqa’ jieħu artijiet ta’ bdiewa oħra b’detriment għall-poplu Malti. Huwa saħaq li donnu jrid ipatti għan-nuqqas ta’ pjan tal-iskart billi l-bdiewa jħallsu l-prezz.

Delia tkellem ukoll fuq il-kuntratt tat-tliet sptarijiet. Qal illi Robert Abela qabel seta’ jfarfar mir-responsabbiltà għax kien l-avukat jew il-konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat, iżda issa, bħala Prim Ministru, għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jtemm il-kuntratt minnufih. Huwa appella lill-Gvern biex jagħti l-isptarijiet lura lill-Maltin. Qal li kull persuna fil-Gvern li tippermetti li dan il-kuntratt jibqa’ fis-seħħ hija involuta direttament. Skontu, is-saħħa pubblika hija marida bil-korruzzjoni minħabba dan il-kuntratt.

Rigward il-qagħda fil-Korp tal-Pulizija, Delia tenna li l-eks Ministru għall-Intern Michael Farrugia jeħtieġ li jerfa’ r-responsabbiltà. Wera d-diżappunt tiegħu li Farrugia għadu parti mill-Gvern minkejja li l-abbuż mis-sahra kien għaddej waqt li hu kien Ministru. Skontu, il-Korp mhux talli tilef is-serjetà u d-dixxiplina, iżda kkrolla fi żmien meta d-diskussjoni suppost hija dwar il-proċess ta’ kif se jinħatar Kummissarju tal-Pulizija ġdid.

Delia tkellem pubblikament għall-ewwel darba fuq ir-riżenja ta’ Marthese Portelli minn Membru Parlamentari. Irringrazzjaha ta’ xogħolha u inkoraġġieha biex tibqa’ tinvolvi ruħha fil-Partit Nazzjonalista.