Il-Gvern għandu sal-ħarifa biex isalva l-Air Malta

Il-Gvern irid isib soluzzjoni għall-Air Malta qabel Ottubru li ġej għaliex fil-ħarifa li ġejja jintemm iż-żmien ta’ ristruttar kif maqbul mal-Kummissjoni Ewropea.
Kien kelliem għall-Kummissjoni Ewropea stess li kkonferma dan ma’ Newsbook.com.mt.
Għalkemm mhux se jkun hemm konsegwenzi legali jekk il-linja nazzjonali tal-ajru ma tilħaqx il-miri stabbiliti fil-pjan ta' ristrutturar, il-Gvern mhux se jkun jista’ jkompli jagħti għajnuna finanzjarja lill-Air Malta għall-għaxar snin ta’ wara l-ġurnata li jintemm il-ftehim.
Il-kelliem tal-Kummissjoni Ewropea spjega ma’ Newsbook.com.mt li skont ir-regoli Ewropej dwar l-għajnuna statali, fondi għar-ristrutturar jistgħu jingħataw biss darba fi żmien għaxar snin.
Qal li dan huwa fuq il-prinċipju one time, last time biex kumpaniji li ma jkunux iżjed vijabbli kummerċjalment ma jibqgħux joperaw bit-taxxi tan-nies.
Fil-preżent, il-Gvern Malti jinsab f’diskussjonijiet ma’ linji tal-ajru biex isib sieħeb strateġiku sabiex l-Air Malta tibqa’ topera wara li jintemm iż-żmien tar-ristrutturar.
Kien il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis li f’Jannar li għadda waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt irrefera għall-possibilità ta’ privatizzazzjoni tal-Air Malta.
Mas-sieħeb strateġiku, il-Gvern huwa mistenni li jżomm il-maġġoranza tal-ishma.
Mhux eskluż li fost il-kumpaniji interessati li jinvestu fl-Air Malta hemm l-AZAL tal-Ażerbajġan, it-Turkish Airlines u AirChina.
Għaldaqstant, Newsbook.com.mt jinsab infurmat li jekk il-Gvern isib sieħeb strateġiku għall-Air Malta, il-Kummissjoni Ewropea tinsab lesta li tidħol f’dikussjonijiet mal-awtoritajiet Maltin u tinvestiga dan l-investiment.
Mistoqsi dwar il-ħtieġa ta’ linja nazzjonali tal-ajru għal Malta biex ikun hawn konnettività mal-kumplament tal-Ewropa, il-kelliem tal-Kummissjoni Ewropea qal ma’ Newsbook.com.mt li fl-ambitù Ewropew, linja nazzjonali tal-ajru mhux meħtieġa li tassigura konnettività bejn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea u l-kumplament tal-Ewropa.
Spjega li apparti l-Air Malta, hawn operaturi oħra tal-ajru li qed joperaw titjriet lejn Malta.
Fl-2009 meta FlyLal, il-linja nazzjonali tal-ajru tal-Litwanja falliet, in-numru tal-passiġġieri lejn dan il-pajjiż naqsu b’39% iżda sal-2012 dawn reġgħu żdiedu permezz tal-operaturi tal-low cost Ryanair u Wiz Air.
Il-kelliem tal-Kummissjoni spjega li f’każ ta’ nuqqas ta’ titjiriet lejn Malta, il-Gvern ikun jista’ jiżgura l-konettività lejn il-ġżejjer fuq bażi ta’ Public Service Obligation (PSO).
Wara għażla b’tender tal-aħjar offerta, il-Gvern jidħol fi ftehim esklussiv ma’ kumpanija tal-ajru.
Dan iżda mhux possibbli fiċ-ċirkostanzi preżenti għaliex il-kumpaniji tal-ajru li joperaw lejn Malta qed jiżdiedu.