​Il-Gvern għandu opportunità li jieħu l-isptarijiet f’idejh – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu opportunità li jieħu lura l-isptarijiet ta’ Karin Grech, ta’ San Luqa, u dak ta’ Għawdex.  
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem għas-Saħħa tal-PN Stephen Spiteri talab lill-Gvern biex jieħu lura l-konċessjoni ta’ 30 sena li kienet ingħatat lill-kumpanija Vitals Global Healthcare li issa se tingħata lil Steward Health Care.
Spiteri qal li VGH ma kellhiex esperjenza fis-settur tas-saħħa u naqset milli tinvesti fl-isptarijiet li suppost kienet qed tmexxi. Spiteri qal li wara li kissret numru ta’ regoli tal-kuntratt, il-VGH biegħet l-isptarijiet għal ammont ta’ flus li la t-tobba, la dawk li jaħdmu fl-isptar, u lanqas iċ-ċittadini ma jafu x’inhi.
Spiteri qal li l-PN qed jappoġġja lill-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM).
Waqt il-konferenza, il-Kelliem tal-PN għall-Kura Mentali Mario Galea qal li dan l-istrajk ma kienx it-tort tat-tobba. Żied jgħid li t-tobba huma fil-fatt il-vittmi f’dan il-każ.
“Il-PN kontra l-investiment” – PL
F’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li l-PN ma kellux kritika kontra Steward Health Care. Skont il-PL, l-ikbar problema għall-PN hi li ġejja kumpanija Amerikana kbira fil-qasam tas-saħħa li “se tibdel ta’ taħt fuq” tliet sptarijiet. Il-PL żied jgħid li Gvern Laburista “jista’ jagħti garanzija li s-saħħa tibqa’ b’xejn” u li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jibqgħu rispettati f’infrastruttura tal-ogħla klassi.