Il-Gvern għandu juża karozzi jaħdmu bl-elettriku – Toni Bezzina, PN

Read in English.

Il-Perit Toni Bezzina, kelliem għall-Oppożizzjoni dwar it-trasport qal li l-kumpaniji privati għandhom idaħħlu kunċett ta’ użu ta’ trasport kollettiv għall-impjegati tagħhom waqt li l-Gvern għandu jbiddel il-karozzi li jintużaw minnu għall-karrozzi li jaħdmu bl-elettriku. 

Waqt Business Breakfast ta’ Newsbook.com.mt dwar it-trasport, Bezzina stqarr li l-ispejjeż indiretti tat-trasport skont studju ppubblikat fl-2015, jammontaw għal €315 miljun fis-sena waqt li 40% tan-nies huma affettwati mit-tniġġis tal-arja. Huwa fakkar li biex jitnaqqsu l-problemi fl-2016 l-Oppożizzjoni kienet għamlet il-proposta għal metro. Dak iż-żmien, qal Bezzina, kien hemm min tbissem iżda llum il-Gvern qed jipproponi l-idea.

Semma li l-proġett tat-twessiegħ tat-toroq waħdu mhux biżżejjed għax dan iżid aktar karrozzi fuq it-toroq. Dawn it-toroq, qal il-kelliem, jeħtieġ li jkollhom il-possibiltà għall-użu tar-roti.

Il-Perit Bezzina qal li hija importanti ħafna l-edukazzjoni. Semma li kif bl-edukazzjoni daħlet mentalità favur ir-riċiklaġġ li tista’ tkun effettiva wkoll biex tidħol mentalità favur użu ta’ roti u mezzi tat-trasport favur l-ambjent.