Il-gvern għandu jkeċċi lill-Kap Eżekuttiv tal MFSA – Jason Azzopardi

Read in English.

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi qal fil-Parlament li l-gvern għandu jagħmel att onorabbli u jkeċċi lill-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri wara li ġie żvelat li huwa kien wieħed mill-ħbieb ta’ Yorgen Fenech. Azzopardi qal li jekk isir dan Malta forsi jkollha ċ-ċans li tgħaddi mit-test tal-Moneyval.

Il-Membru Parlamentari kien qiegħed jitkellem fid-dibattitu dwar il-ġustizzja u qal li d-dewmien fil-proċeduri tal-Qorti hija kwistjoni serja. Huwa spjega li f’każijiet ċivili, il-Qorti f’Malta tieħu medja ta’ 1,119-il ġurnata meta kkumparat mal-medja tal-Qrati fl-Unjoni Ewropea li jieħdu medja ta’ 141 ġurnata. Fil-Qorti Kriminali Maltija każ idum medja ta’ 543 ġurnata filwaqt li fl-Ewropa jieħu 104 ġranet.

Azzopardi qal li f’Malta, il-Qorti Ċivili tieħu madwar tlieta jew erba’ snin biex jinqata’ appell u ssuġġerixxa li l-Qorti għandha tieħu deċiżjoni immedjata wara li tisma’ l-partijiet kollha. Hu staqsa jekk hux vera dak li qal il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja li r-riformi kostituzzjonali ġew deskritti bħala l-aqwa prattiċi mill-Kummissjoni Ewropea.

Id-Deputat tal-PN qal li Gvern qiegħed ikompli jumilja lil Malta fl-istituzzjonjiet Ewropej billi jqabbad avukati barranin biex jiddefendu lil Malta, meta f’Malta hawn avukati tajbin li jistgħu jagħmlu dan. Azzopardi qal l-Gvern qabbad avukat Spanjol biex jiddefendi lil Malta fil-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea.

Fid-diskors tiegħu Azzopardi propona ħames inizjattiv biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni. Huwa qal li l-Gvern għandu jagħmel liġi li tipprojbixxi l-uffiċjali pubbliċi jużaw l-email personali għal xogħol.

Il-Kap tal-FIAU qatt ma deher quddiem il-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi – Karol Aquilina

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-Gvern kiser il-liġi meta kellu d-dmir li josservaha, meta ħatar liċ-Chairperson tal-FIAU mingħajr l-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi.

Aquilina qal li l-kapijiet tal-korpi regolatorji għandhom jiġu skrutinjati mill-Kumitat Parlamentari Konsultattiv.

Aquilina qal li l-membri tal-bord huma maħtura mill-Finanzi minn tliet bordijiet nominati mill-MFSA, MGA, Kummissarju tal-Pulizija u l-kummissarju tat-Taxxa. Madankollu, iċ-Chairman tal-FIAU inħatar mill-Prim Ministru.

Kompla li ċ-Chairperson tal-FIAU tħabbar fil-Gazzetta tal-Gvern fit-3 t’April 2020 u t-terminu tiegħu huwa twil tliet snin. Żied li dan iċ-Chairperson qatt ma deher quddiem il-Kumitat.