Il-Gvern għandu jirrikonoxxi d-diffikultajiet fis-settur marittimu – Delia

PN

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-Gvern għandu jirrikonoxxi d-diffikultajiet li qed jaffaċċja s-settur marittimu.

Fi stqarrija l-PN qal li Delia kellu laqgħa mal-Forum Marittimu Malti l-Ħamis. Delia qal li minkejja li kulħadd jaf li sfortunatament, minħabba l-imxija ta’ COVID-19, din is-sitwazzjoni se tippersisti fit-tul, il-Gvern mhux qed jirrikonoxxi d-diffikultajiet kbar li jinsab fih dan is-settur tant importanti għall-ekonomija ta’ Malta.

Dr Joe Borg, Chairman tal-Forum Marittimu Malti, spjega li l-aħjar miżura ta’ ġustizzja soċjali fic-cirkostanzi li tinsab fihom Malta llum huwa li l-piz jinqasam b’mod proporzjonali bejn il-Gvern, min iħaddem u l-impjegati. Il-Forum Marittimu Malti wera kif l-industrija marittima Maltija ilha ġġorr il-piż kollu waħedha minn Jannar meta l-portijiet Ċiniżi ngħalqu u l-bastimenti kellhom iħassru vjaġġi sħaħ minħabba nuqqas ta’ merkanzija.

“L-industrija marittima ta’ pajjiżna hija industrija li tagħti kontribut kbir f’pajjiżna. Settur li jinkludi fih 11,500 impjegat li jaħdmu  direttament f’din l-industrija. U huwa propju għalhekk li l-Gvern għandu  jirrikonoxxi d-diffikultajiet kbar li jinsab fih dan is-settur,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-MMF bħalissa huwa ddispjaċut peress li l-Gvern Malti ma apprezzax il-prudenza li hu wera. Il-MMF kellu laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela fis-7 ta’ April. Il-forum ippropona li jinqasam il-piż fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-pandemija tal-coronavirus. Il-MMF ippropona li min ħaddem iġorr 60% tal-piż, il-Gvern 30% u l-impjegati 10% b’garanzija li l-impjieg tagħhom jitkompla minkejja s-sitwazzjoni diffiċli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn