“Il-Gvern għandu jippubblika dak li għandu jiġi ppubblikat”

Miguela Xuereb

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li huwa jemmen li kemm jista’ jkun il-Gvern għandu jippubblika dak li għandu jiġi ppubblikat.

Waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103, il-Ministru kien qed iwieġeb għal mistoqsija dwar jekk l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (FOI) hux qed jostakola l-pajjiż.

Dwar l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi, il-Ministru Zammit Lewis qal li l-midja tal-partiti tnixxef il-finanzi tal-partiti. Stqarr li hija dibattibbli l-effettività tal-istazzjonijiet fuq iż-żgħażagħ sabiex jitwassal il-messaġġ.  Madanakollu insista li l-kwistjoni tal-midja tal-partiti politiċi trid tiġi kkunsidrata b’mod usa’ meta jidħol il-finanzjament tal-partiti.

Dwar dan, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, li kien mistieden fl-istess programm, tenna li l-partiti politiċi għandu jkollhom l-istazzjonijiet tal-midja tagħhom, sakemm ma jkunx hemm assigurazzjoni permez ta’ sistema organizzata b’linji editorjali aċċettati u spazju mistħoqq lill-partiti politiċi. “Jekk jiġri dan, il-PN lest ineħħi l-istazzjon tiegħu”, żied jgħid Agius.

“Ir-responsabbiltà politika dwar il-VGH diġà ntrefgħet”

Zammit Lewis u David Agius iddibattew ukoll dwar il-bejgħ tat-tliet sptarijiet Maltin lill-kumpanija Vitals Global Healthcare (VGH) li mbagħad biegħet l-isptarijiet lil Steward Healthcare.

Agius fisser li l-Awditur Ġenerali qed jgħid li l-affarijiet ma sarux sew u li għaldaqstant l-Oppożizzjoni qed tinsisti li għandu jkun hemm reviżjoni tal-ftehim u li hi disposta tgħin il-Gvern biex id-deċiżjoni tiġi riveduta fl-interess tal-pajjiż. Huwa qal li dan ir-rapport mill-Awditur Ġenerali huwa wieħed li jikkundanna l-proċess, u trid tinstab soluzzjoni.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li r-responsabilità politika dwar Vitals “inġarret minn min irriżenja minn Ministru fl-aħħar xhur”. “Lil hinn mir-responsabilità politika, jiġi deċiż mill-inkjesta maġisterjali, li għad irridu naraw x’se jkun l-eżitu tagħha” kompla jgħid. Skont il-Ministru, il-Prim Ministru seta’ konvenjentament jgħid li ma kienx parti mill-Kabinett. Saħaq li l-Prim Ministru seta’ faċilment xolja kollox, “imma l-għażla bbażata fuq l-għaqal li tittieħed deċiżjoni tkun għażla fl-interess tal-pajjiż u l-poplu”.

David Agius qal li l-Oppożizzjoni hija kruċjali, għax dan hu ftehim li se jorbot lill-pajjż għal snin twal . “Jekk nista’ bħala Oppożizzjoni nara l-flus tal-poplu Malti u Għawdxi jintefqu bl-aħjar mod għal poplu kollu, nagħmlu. Lesti li npoġġu mal-gvern biex tinstab soluzzjoni fl-aħjar interess nazzjonali”, kompla Agius. Huwa saħaq li jekk il-Gvern imur jinnegozja ma’ Steward, u jkollu l-appoġġ fuq pożizzjoni maqbula mal-Oppoiżizzjoni fl-aħjar interess nazzjonali, “il-pożizzjoni tal-gvern tkun aktar b’saħħitha, irrispettivament minn liema pożizzjoni tkun, sew jekk biex jiġi rranġat ftehim, kif ukoll jekk ikun biex jiġi xolt”.

Tibdiliet fil-liġijiet Kostituzzjonali

It-tibdiliet Kostituzzjonali, li jinkludu li l-ħatra tal-President issir b’approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament, ġew deskritti mill-Ministru għall-Ġustizzja bħala “mument storiku għall-pajjiż”.

Il-Viċi Kap Nazzjonalista fisser li biex jintlaħaq ftehim irid ikun hemm iż-żewġ naħat li jċedu biċċa u jridu jaqblu. Qal li n-nuqqas ta’ qbil primarjament kien jikkonċerna aspetti legali. Stqarr li bil-vot fil-Parlament rebaħ il-poplu Malti u s-sens komun. Fisser li l-emendi huma ta’ ċertu portata bħal President, il-Ġudikatura u l-Ombudsman. Agius tenna li kien importanti li dan isir biex jissaħħu l-istituzzjonijiet anke fid-dawl ta’ dak li għaddej minnu l-pajjiż, dak li qalet il-Kummissjoni Venezja u l-kwistjoni tal-Moneyval.

“Hemm kwistjonijiet li għadhom pendenti”

Kemm il-Ministru Zammit Lewis kif ukoll il-Viċi Kap Nazzjonalista kkonfermaw li kien hemm aspetti li għadhom pendenti, fosthom il-kwistjoni tal-care-taker government fil-perjodu qabel elezzjoni Ġenerali. Il-Ministru qal li l-Gvern ma riedx jaqa’ fil-problema li jkun hemm prokastrinazzjoni bir-riskju li l-bidliet li fuqhom kien hemm qbil ma jsirux. Huwa sostna li l-aktar ħaġa faċli kienet li bħala Ministru joqgħod jiddiskuti u ma jimplimentax l-ewwel sett ta’ miżuri. Huwa spjega li f’dan il-punt partikolari u f’dawn iċ-ċirkostanzi “l-kompromess mhux dgħjufija imma pass importanti biex l-affarijiet isiru sew”.