“Il-Gvern għandu jipproteġi d-dgħajfa mhux lil min hu b’saħħtu” – Chris Said

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said qal li fid-diskussjoni dwar il-gentlemen’s clubs, minflok iwaqqaf l-esplojtazzjoni tan-nisa il-Gvern qed iżomm mas-sidien tal-istabbiliment billi qed jgħid li se jirregola dan is-settur.
Fi stqarrija, Chris Said qal li jekk inti b’saħħtek, ikollok il-gvern miegħek. Qal li dan qed iseħħ minkejja l-wiegħda li dan hu l-iktar gvern femminist fl-istorja.
Qal li l-Parit Nazzjonalista m’għandu qatt jabbanduna lil min hu dgħajjef. Spjega li l-progress u l-iżvilupp għandhom jilħqu lil kulħadd u mhux lill-ftit.
Spjega li l-ġustizzja, s-solidarjetà u d-dinjità umana ikunu fuq quddiem fit-tmexxija tiegħu.
Wiegħed li jekk jinħatar kap tal-partit, l-intrapriżi jingħataw kull appoġġ biex jirnexxu u joħolqu iktar impjiegi, iżda mhux b’kundizzjonijiet ħżiena ta’ xogħol, abbuż, rgħiba jew bla pjan fit-tul.