Il-Gvern għandu jikkumpensa ħaddiema fil-kostruzzjoni li jitnaqqsulhom is-sigħat – MDA

L-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppaturi Malti (MDA) insistiet li l-ħaddiema fil-qasam tal-kostruzzjoni li se jkunu affettwati bi tnaqqis ta’ sigħat tax-xogħol għandhom jingħataw l-istess kumpens li l-Gvern qed jagħti lil ħaddiema f’setturi oħrajn.

Fi stqarrija, l-MDA qalet li hi diġà tat struzzjonijiet lill-membri tagħha, mingħajr ma kienet mitluba tagħmel dan, sabiex dawn inaqqsu kemm jista’ jkun l-inkonvenjent li jġib miegħu xogħol ta’ kostruzzjoni maġenb żoni residenzjali. Il-membri tal-assoċjazzjoni kienu ntalbu sabiex jibdew xogħol ta’ skavar u demolizzjoni wara t-8am. L-assoċjazzjoni kienet talbet ukoll sabiex kemm jista’ jkun, ix-xogħol jitwaqqaf f’sigħat sensittivi matul il-ġurnata.

L-Avviż Legali kien ippubblikat snin twal ilu – Ombudsman

Fi stqarrija, l-uffiċċju tal-Ombudsman ikkowta l-liġi li tgħid li l-kuntratturi m’għandhomx jużaw mechanical excavator li għandu hydraulic hammer jew pneumatic drill qabel it-8am, bejn is-2pm u l-4pm u wara t-8pm. Intant, xogħol tat-tip mhux permess li jsir fl-ebda ħin tal-ġurnata nhar ta’ Ħadd u meta jkun hemm xi festa pubblika. Qal li l-eżenzjonijiet u restrizzjonijiet addizzjonali jistgħu jiġu imposti mill-Aġenzija għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). Insista li l-ebda tip ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni ma jista’ jsir qabel is-7am u wara t-8pm. L-Ombudsman spjega li r-restrizzjonijiet isegwu Avviż Legali ppubblikat snin twal ilu.

L-MDA qalet li qed issegwi s-sitwazzjoni ta’ kif l-industrija tal-kostruzzjoni qed tirrispondi għall-emerġenza kurrenti. Qalet li hi stess qed tirrapporta lil dawk fis-settur li qed jabbużaw. Qalet li hi totalement kontra l-abbuż u talbet lill-awtoritajiet sabiex ikomplu jiżguraw li jkun hemm infurzar kif suppost tal-liġijiet madwar il-kostruzzjoni. L-assoċjazzjoni semmiet li tilqa’ l-intervent li sar ilbieraħ mill-Aġenzjia għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) fil-Gżira. Innutat ukoll li l-iżviluppatur inkwistjoni lanqas biss kien membru tal-assoċjazzjoni.

Jingħalaq sit ta’ kostruzzjoni fil-Gżira – BCA

Ilbieraħ, il-BCA għalqet sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Manuel De Vilhena fil-Gżira li ma kinitx qed issegwi r-regoli. Intant, talbet sabiex il-pulizija jibdew proċedimenti kriminali kontra l-iżviluppatur, is-site manager u l-periti li kienu qed jieħdu ħsieb il-proġett. Dan wara li huma ma ssottomettewx id-dokumenti neċessarji qabel ma beda x-xogħol, kellhom informazzjoni skorretta fuq in-notifika tas-sit u kienu qed jagħmlu xogħol li ma kienx jaqa’ fis-sigħat permissibbli mil-liġi.

Għamilna proposti tanġibbli – MDA

L-Assoċjazzjoni kompliet tgħid li hi għamlet proposti tanġibbli li fuq bażi temporanja għandhom jgħinu żviluppaturi u kuntratturi jaqblu li jnaqqsu aktar ix-xogħolijiet ta’ twaqqiegħ u skavar. Qalet li jekk jiġu introdotti aktar miżuri favur il-pubbliku, il-ħaddiem tas-settur li jiġu affettwati għandhom ikunu trattati eżattament l-istess bħall-kategoriji l-oħrajn kollha li qed jirċievu għajnuna finanzjarja mill-istat. L-MDA qalet li ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni bejn ħaddiem u ieħor fid-dawl tal-COVID-19.

Bħalissa fl-industrija hemm madwar 16,000 impjegat full-time u tissapportja 43,000 ħaddiem ieħor f’industriji relatati.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn