Aġġornata: ‘Il-Gvern għandu jieqaf jindaħal fil-ħidma tal-MFSA’ – PN; il-Gvern iwieġeb

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern għandu jħalli lill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta taħdem mingħajr ma jindaħħlilha.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista rreaġixxa għal storja li dehret fuq ġurnal lokali The Sunday Times of Malta fejn ġie rrappurtat li uffiċjal tal-awtorità ħa s-somma u rtira kmieni qabel ma reġa’ ġie mpjegat f’aġenzija ġdida li ħarġet mill-istess awtorità.

George Spiteri li kien id-direttur għar-riżorsi umani fi ħdan l-MFSA ħa iktar minn €150,000 biex jirtira kmieni. Iżda fi żmien ftit ġimgħat huwa kien impjegat bħala d-direttur għar-riżorsi umani fi ħdan l-Aġenzija tar-Reġistru tal-Kumpaniji. Ir-reġistru tal-kumpaniji sa ftit ġimgħat ilu kien jagħmel parti mill-MFSA.

Il-Partit Nazzjonalista osserva li s’issa l-MFSA għadha ma ċaħdietx l-istorja filwaqt li l-Ministru għall-Finanzi għadu ma qal xejn dwar il-każ li l-PN sejjaħlu użu ħażin ta’ fondi pubbliċi.

Il-PN ikkundanna l-aġir abbusiv li tħalla jsir u ġie aċċettat mill-awtorità. Żied jgħid li l-MFSA għandha dmir u hi responsabbli li tassigura l-integrità finanzjarja.

Il-PN temm jgħid li l-Gvern għandu jieqaf jindaħal fl-operat tal-MFSA biex din l-awtorità tkun tista’ tagħmel xogħolha. Żied ukoll li l-industrija tas-servizzi finanzjarji għandha bżonn li l-awtoritajiet ikkonċernati fil-qasam jerġgħu jġibu lura r-reputazzjoni tagħhom biex l-industrija ma tkomplix tiġi affettwata ħażin.

L-istqarrija kienet iffirmata mill-kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco u l-kelliema għall-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono.

L-MFSA hi Awtorità awtonoma – Is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji

Is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji qal li l-Oppożizzjoni messha taf aħjar li l-MFSA hi awtorità awtonoma, li wara xi tibdiliet li saru, ingħatatilha aktar għodda biex tissaħħaħ.

Dwar dan, skont l-istqarrija, saru żewġ emendi. L-ewwel waħda hi li l-Ministru responsabbli għall-MFSA m’għadux il-persuna li jieħu d-deċiżjonijiet dwar il-pakketti ta’ rimunerazzjoni. It-tieni emenda li saret kienet li l-Gvern neħħa id-direttiva magħrufa bħala d-Direttiva 7. Skont l-istqarrija, dan ifisser li l-Awtorità m’għadx għandha bżonn il-premess tas-Segretarju Permanenti biex timpjiega persuni ġodda.