“Il-Gvern għandu jieqaf jilgħab bir-residenti ta’ Pembroke” – PN

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Ambjent Karol Aquilina qal li Gvern serju ma jistax ikollu Ministru tal-Edukazzjoni li joffri art pubblika biex tinbena mingħajr ma jkun ikkonsulta lir-residenti.
Fi stqarrija, Aquilina qal li ma jistax ikun li Gvern ma jikkonsultax mar-residenti  u fl-istess waqt ikollu Ministru tal-Ambjent li jagħti x’jifhem lir-residenti li hu kontra li din l-istess art pubblika tinbena.
Qal li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li f’dan l-istadju l-Gvern għandu jieqaf jilgħab bir-residenti ta’ Pembroke u jistqarr b’mod ċar jekk hux beħsiebu jibqa’ għaddej bl-għoti ta’ art pubblika, biex fuqha tinbena skola oħra f’Pembroke.
Sostna li Gvern serju jieħu deċiżjoni waħda, maħsuba u li tkun fl-aħjar interess nazzjonali u b’mod partikolari dak tar-residenti ta’ Pembroke, u mhux ikollu żewġ Ministri li jitkellmu u jaġixxu b’mod oppost għal xulxin daqslikieku mhumiex membri tal-istess Gvern.
Id-Direttriċi tal-Iskola Chiswick kienet argumentat li minkejja l-protesti li qed isiru, l-iskola l-ġdida proposta f’Pembroke, għandha tinbena, għax se tkun l-ewwel waħda tat-tip tagħha fl-Ewropa . 
Wara li ħafna mir-residenti rrikorrew għal fuq Facebook biex jesprimu d-diżapprovazzjoni tagħhom għal din l-applikazzjoni, Newsbook.com.mt tkellem mas-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili, li qal li bħalissa Pembroke jinsab taħt assedju.