“Il-Gvern għandu jieħu vantaġġ mill-prezz taż-żejt” – Il-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ qed titlob lill-Gvern biex jieħu vantaġġ mill-prezz irħis taż-żejt għaliex din hi opportunità ta’ darba. 
Sostniet li għalkemm tapprezza l-istabilità fil-prezzijiet taż-żejt, din l-istess stabilità ma tistax iżżomm lura il-kompettività tal-pajjiż. 
Il-Kamra qalet li d-differenza fil-prezz tiġi riflessa wkoll fil-kontijiet tan-negozji u l-konsumaturi individwali, lil hinn mir-roħs ta’ 25% fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma li l-Gvern se jagħti lin-negozji minn Marzu li ġej. 
Il-Kamra saħqet li differenzi mhux ġustifikati fil-prezzijiet lokali huma detriment għan-negozji bħal dawk fis-setturi tal-importazzjoni u l-esportazzjoni, tal-merkanzija, tat-trasport u d-distrubuzzjoni. 
Irrimarkat li pajjiżi oħra Ewropej ilhom għal dawn l-aħħar xhur inaqqsu l-prezz taż-żejt. 
Kompliet targumenta li prezzijiet orħos taż-żejt, it-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll it-tnaqqis fil-valur tal-ewro, se jħallu effett fuq il-kompettività ta’ Malta u eventwalment tikber l-ekonomija.