Il-Gvern għandu jieħu azzjonijiet bilanċjati u mhux estremi – MHRA

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) qalet li l-Gvern għandu jieħu azzjonijiet bilanċjati u mhux estremi biex jassigura l-aħjar riżultati b’rabta mal-coronavirus.

Dan qalitu fi stqarrija b’reazzjoni għall-aħħar żviluppi hekk kif il-Gvern nieda sett ta’ miżuri ġodda b’rabta mal-avvenimenti tal-massa fil-pajjiż. Nhar il-Ħamis li għadda l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Superintendent għas-Saħħa Pubblika ħabbru li b’effett mill-31 ta’ Lulju li jgħidu li l-attivitajiet tal-massa se jitħallew isiru biss jekk id-direttivi jiġu osservati. Fearne qal li ma jistax ikun hemm aktar minn persuna waħda fi spazju ta’ 4 metri kwadri u li gruppi ta’ aktar minn 10 persuni mhux se jkunu permessi. Barra minn hekk dawn l-10 persuni ma jistgħux jitħalltu ma’ persuni oħra.

Intant, l-MHRA innutat li minn meta nfetaħ l-ajruport, it-turiżmu li ġie lejn Malta flimkien mal-vawċers tal-Gvern u s-sussidji fuq il-pagi, dawn l-affarijiet taw tama għall-irkupru tal-ekonomija. Semmiet li għal numru ta’ ġimgħat mill-ftuħ tal-ajruport u l-ekonomija, ir-rati ta’ infezzjonijiet relatati mal-coronavirus baqgħu ta’ livell baxx. B’hekk setgħu jinżammu eluf ta’ xogħlijiet fil-pajjiż.

Minkejja dan, l-MHRA innutat li d-diffikultajiet għadhom ma waslux fi tmiemhom. Qalet li huwa evidenti li l-pandemija għadha attiva fuq livell globali u ħadd ma jaf kif se tkompli tiżvolġi, kemm se tkun ħarxa, jew kemm se ddum preżenti.

Insistiet li filwaqt li taqbel li m’hemmx soluzzjoni waħda u ċara, temmen li t-triq ‘il quddiem għandha tkun li jkun hemm bilanċ. Qalet li kulħadd qed jitgħallem mill-esperjenza tiegħu u mill-esperjenzi ta’ ħaddieħor. Qalet li l-aħjar mod għandu jibqa’ dik li jkunu applikati protokolli raġjonevoli li jassiguraw li l-ħajja tkompli għaddejja filwaqt li s-sigurtà u l-mitigazzjoni tar-riskji jibqgħu prijorità.

L-MHRA rrimarkat li pożizzjonijiet estremi se jiggarantixxu riżultati katastrofiċi u b’hekk talbet lill-Gvern sabiex jibqa’ jieħu l-azzjonijiet neċessarji biex jirriflettu bilanċ għall-benefiċċju tal-pubbliku, il-ħaddiema u min iħaddem.

“Il-fatt jibqa’ li jekk is-settur tat-turiżmu jaqla’ daqqa ta’ ħarta, il-bqija tal-ekonomija se ssofri u anke ħafna xogħlijiet, mhux biss dawk relatati mat-turiżmu. Dawn jitpoġġew f’riskju. Ninsabu f’din is-sitwazzjoni kollha flimkien u l-unika mod li se noħorġu minnha b’suċċess hija billi naħdmu flimkien madwar mejda fejn ikun hemm diskussjoni responsabbli u jittieħdu deċiżjonijiet,” temmet tgħid l-MHRA.

Intant, l-assoċjazzjonijiet mediċi qed imorru kontra li l-ekonomija tibqa’ miftuħa. L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qalet li tinsab diżappuntata li l-Ministeru tat-Turiżmu bl-appoġġ ċar tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru mhux biss injora l-parir tas-Superintendent tas-Saħħa Pubblika iżda anke wasal biex awtorizza l-avvenimenti tal-massa. Il-MAM qalet li dawk responsabbli għandhom jikkonsultaw mal-kuxejnza tagħhom dwar il-ħsara li tali deċiżjoni se tħalli fuq is-saħħa tal-Maltin kif ukoll fuq l-irkupru tal-attività ekonomika.