“Il-Gvern għandu jibda jżarma l-antenni bla użu”

Il-Partit Laburista qed jappella lill-Gvern biex jikkunsidra li jibda jżarma l-antenni tar-radju li m’għandhom l-ebda użu.
Fi stqarrija, id-Deputat Laburista Etienne Grech qal li din il-proposta ressaqha diġà lill-Ministru għall-Infrastruttura Joe Mizzi, li kkonfermalu li hemm applikazzjoni quddiem il-MEPA.
Spjega li fil-ġimgħat li ġejjin mistenni joħroġ il-permess li jkun segwit minn tender u x-xogħol jibda s-sena d-dieħla.
Etienne Grech sostna li minbarra li jistgħu jkunu ta’ periklu, dawn l-antenni jidhru mill-bogħod u jħallu impatt viżwali negattiv fuq is-sit naturali.
Qal li l-iktar u l-ikbar sit abbandunat li jissemma hu dak ta’ Wied Rini fil-limiti tal-Baħrija, li kien jintuża mill-Ingliżi. Kompla jgħid li partijiet mill-antenni huma mkissra, b’sogru li jinqalgħu bir-riħ u jweġġgħu lil xi ħadd.