Il-Gvern għandu jħallas għal-leave tal-kwarantina – GTA

L-Awtorità Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) hija tal-fehma li l-Gvern għandu jħallas għal-leave tal-kwarantina impost minn diversi mgħallmin u kumpaniji bħalissa, minħabba t-tixrid tal-coronavirus.

Fi stqarrija, l-Awtorità laqgħet il-pakkett ta’ miżuri maħruġ mill-Gvern biex jgħin lill-industrija tat-turiżmu u tal-ekonomija, iżda insistiet li jeħtieġ li jittieħdu miżuri iżjed drastiċi li se jkollhom effett immedjat.

L-Awtorità saħqet li l-ekonomija Għawdxija tiddependi fuq it-turiżmu, u b’hekk din is-sitwazzjoni qed taffettwaha ħażin ħafna.

Hija elenkat lista ta’ miżuri li skontha, il-Gvern għandu jieħu:

  • Li jħallas għal-leave ta’ kwarantina
  • Li jitneħħew il-liċenzji għall-2020 li stabbilimenti turistiċi jridu jħallsu lil entitajiet bħall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Transport Malta, l-Awtorità tal-Artijiet, eċċ.
  • Li jwaqqaf fond għall-pagi li jintuża speċifikament għall-ħaddiema fit-turiżmu
  • Li jittieħdu miżuri temporanji biex jissalvagwardjaw ix-xogħlijiet tal-ħaddiema mingħajr ma jiżdied il-piż fuq min iħaddem
  • Li jneħħi l-kontribuzzjonijiet tal-bolla sakemm ma l-ivvjaġġar jerġa’ lura għan-normal
  • Li ssir kampanja ta’ riklamar addattata għal Għawdex bħala destinazzjoni turistika

L-Awtorità Għawdxija għat-Turiżmu qalet li hija disponibbli għal iżjed diskussjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn