“Il-Gvern għandu jaqdi liż-żgħir bi dritt u mhux b’karità”

Il-President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi Daniel Darmanin fakkar kif il-Gvernijiet għandhom iħarsu li jaqdu liż-żgħir bi dmir u mhux b’karità.
Fil-programm Newsline, Darmanin jisħaq li għandu jkun hemm mezzi ta’ ġustizzja fit-tqassim tal-ġid u b’hekk is-soċjetà kollha kemm hi tkun qed tieħu dak li ħaqqha bi dritt u mhux għax titkarrab.
Fil-programm Newsline li jixxandar fuq RTK kull nhar ta’ Sibt bejn l-10am u nofsinhar, Daniel Darmanin, il-President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, u l-Ekonomista Philip von Brockdorff tkellmu dwar l-iżvilupp tal-ekonomija u l-isfidi li se ġġib magħha għas-sena 2018.
Kemm Darmanin kif ukoll von Brockdorff  jaqblu li t-tkabbir ekonomiku se jkompli bl-ekonomista jispeċifika li dan se jseħħ l-aktar minħabba l-iżvilupp tal-industrija tal-kostruzzjoni li fi kliemu se jiġbed miegħu industriji oħra.
Il-President tal-Kummissjoni tal-Knisja Daniel Darmanin jisħaq li l-ekonomija għas-sena 2018 għandha tkun iktar għas-servizz tas-soċjetà Maltija. Irrikonoxxa l-mument tajjeb li għaddejja l-ekonomija Maltija u qal li “tajjeb li dan jissarraf f’inizjattivi f’miżuri iktar soċjali biex nies li huma vulnerabbli fis-soċjetà ma jaqgħux lura”.
Matul il-programm issemma’ l-eżempju kapitalista tal-Amerika fejn it-tqassim tal-ġid komuni qed ikollu effett dirett fiż-żieda fl-inugwaljanza li jidher li qed iseħħ anke fis-sistema f’Malta.
Daniel Darmanin jgħid li Malta qed isseggwi dan l-istil minħabba l-kultura kapitalista li tiffoka fuq il-qliegħ mingħajr wisq ħsieb fuq is-soċjetà. Jispjega li dan iwassal ukoll għal żieda fl-individwaliżmu fejn il-persuna jinteressha iktar fiha nnifisha milli fl-għajnuna lill-proxxmu.
Ikkwota lill-Papa bl-ispjega tiegħu dwar x’qed jiġri fis-soċjetà kapitalista fejn ixebbah il-ġid ma’ taxxa li minflok tfur u xxerred il-ġid fuq l-oħrajn, tkompli tespandi mingħajr qatt ma tfur. Dan iwassal biex il-ġid jibqa’ għand il-ftit u ma jkunx hemm distribuzzjoni tajba tal-ġid komuni.
L-ekonomista Von Brockdorff jgħid li ma nistgħux inqabblu ruħna totalment ma’ dak li jiġri fl-Amerika. Jgħid li għalkemm l-ekonomija Maltija għandha l-isfidi, dawn ma tantx jinħassu għaliex huma mhejjuna min-network soċjali li huwa effettiv f’Malta. Fost l-isfidi għall-ekonomija ta’ Malta, Von Brockdorff isemmi l-inugwaljanza u jgħid li mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kien hawn tnaqqis fl-ugwaljanza li jqabbilha maż-żieda fil-kapitaliżmu. Jisħaq li f’Malta hawn sistema ekonomika li ma tħarisx biżżejjed lejn id-distribuzzjoni tad-dħul.
Von Brockdorff appella biex il-politika ta’ investiment f’Malta issir b’mod ikkontrollat u bi struttura biex jitħarsu l-interessi mhux biss tal-ambjent iżda anki tal-komunità.
Tista’ tara l-intervista sħiħa hawnhekk.