“Il-Gvern għadu sieket quddiem l-iskandlu Gaffarena-Zammit” – PN

Il-Gvern qed jieħu parir mingħand l-Avukat Ġenerali dwar kif għandu jinvestiga l-każ tal-eks uffiċjal tal-Pulizija li seħħ xi snin ilu.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li se jħabbar x'se jsir, filwaqt li fakkar li l-każ li bħalissa qiegħed fil-qorti, kif ukoll il-formazzjoni tal-kumpanija tal-istess eks uffiċjal, seħħew taħt amministrazzjoni preċedenti.
Il-Gvern kien qed jirreferi għall-konferenza li saret mill-viċi-kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u x-Shadow Minister tal-Ġustizzja Jason Azzopardi.
Beppe Fenech Adami qal li l-Prim Ministru għadu sieket quddiem l-iskandlu ta’ Gaffarena-Zammit, li d-dettalji tiegħu tħabbru nhar it-Tlieta li għadda.
L-Oppożizzjoni qed titlob li ssir inkjesta indipendenti, u li ssir bla dewmien, tibqa’ trasparenti u korretta.
Beppe Fenech Adami żied jgħid li l-Korp tal-Pulizija m’għandux jittappan bl-ebda mod, hekk kif il-maġġoranza tal-membri tiegħu jwettqu dmirhom b’mod onest.
Jason Azzopardi spjega fid-dettall il-każ ta’ Gaffarena-Zammit, filwaqt li qal li l-eks Kummissarju kien qed jinvestiga każ ta’ qtil waqt li kien f’negozju ma’ missier il-mara tal-akkużat. Azzopardi talab li minbarra ssir l-inkjesta, irid jitkeċċa jew tal-inqas jiġi sospiż Ray Zammit minn kull kariga pubblika.
Saħaq li l-eks Spettur Daniel Zammit għadu viċin tal-Gvern Laburista hekk kif ftit wara li rtira mill-Korp tal-Pulizija, ingħata kuntratt ta’ €60,000 bħala konsulent tal-Enemalta.
Jason Azzopardi temm jgħid li f’Malta ħadd m’għandu jkun ‘il fuq mil-liġi.  
F’reazzjoni għar-reazzjoni tal-Gvern, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern Laburista huwa involut sew fl-iskandlu, u li kieku ma riedx jaħbi dan kollu, kien jinforma lill-pubbliku immedjatament dwar x’se jagħmel dwar dan il-każ.