Il-Gvern għadu qed jesplora dwar hostel f’Malta għall-Għawdxin

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-Ministeru qed jesplora l-possibilità li jkun hemm hostel li tilqa’ fiha l-istudenti Għawdxin f’Malta.
Il-Ministru Caruana kienet qed twieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista David Stellini, li staqsieha xi pjanijiet għandha biex ittaffi n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli għal dawn l-istudenti.
Il-bżonn ta’ hostel f’Malta għall-istudenti Għawdxin ilu l-karba tal-istudenti nfushom u l-għaqda li tirrappreżentahom għall-aħħar snin.
F’Settembru 2015, il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) qal li l-proposta ta’ hostel ressaqha fil-laqgħa ta’ qabel il-baġit.
Fisser li l-hostel għandha takkomoda studenti fuq bażi ta’ means-test, biex tgħin lil dawk li l-iktar li għandhom diffikultajiet finanzjarji.
Madanakollu, f’Awwissu li għadda, il-GUG saħaq li din il-proposta ma kienx qabel magħha l-Ministru għal Għawdex ta’ dak iż-żmien Anton Refalo.
Anke l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech semma leħnu dwar il-pjaga tal-kirjiet għolja. F’Ottubru li għadda, kien qal li l-pajjiż ma jistax jippermetti li studenti jieqfu mill-istudji terzjarji tagħhom għax ma jaffordjawx jikru akkomodazzjoni.
Fl-istess xahar, il-Ministru għal Għawdex kienet ħabbret li se jitnieda studju preliminarju biex jinsab post fejn tista’ tinbena hostel ġdida għall-istudenti Għawdxin.